Illejla se jkollna pellegrinaġġ bil-Kurċifiss sabiħ u devot li għandna fil-Parroċċa tagħna. Fil-4.45 pm tibda’ parata tas-suldati rumani mill-quarters tal-Iscouts lejn il-Knisja. Fil-5.00 pm tibda’ ħierġa l-purċissjoni mill-Knisja. Il-Purċissjoni se tkun akkumpanjata mit-talb u waqtiet ta’ daqq mill-Banda Immakulata Kuċizzjoni u mill-Iscouts. Għalhekk nistedinnkom biex timxu magħna tul it-triq u nitolbu flimkien. Minħabba xi xogħol li qed isir fit-toroq, kellna nibdlu ftit ir-rotta. Se ngħaddu minn dawn it-toroq: Manwel Magri, Kunċizzjoni, Pawlu Burlo’, Duluri, Mimosa, Danny, Ursolini, Qrejten, Wenzu Mallia, Monsinjur De Piro u Kappillan Mifsud. Ikun hemm waqfa fi Pjazza Kappillan Muscat fejn se jkun hemm is-siġġijiet u nagħlqu b’mument qasir ta’ talb mill-aħwa tal-Mixja Neokatekumenali, imbaghad nakkumpanjaw il-Kurċifiss sal-Knisja u tingħata l-Barka Sagramentali fil-bieb. Inħeġġeġ biex speċjalment minn fejn se jgħaddi l-Kurċifiss nixegħlu u nżejnu twieqi u gallariji. MA JKUNX HEMM QUDDIESA TAS-6.30 pm. Biex niffaċilitaw il-parkeġġ, is-surmast tal-Liceo offra li jħalli l-parking miftuħ għal kulħadd. Nirringrazzjawh.
Infakkru lil dawk li bbukkjaw biex jiġu ir-Redentur ta’ l-Isla nhar it-Tlieta li ġej biex ikunu fejn il-knisja fid-8.45 am biex fid 9 am nitilqu.
Nhar il-Ħamis, lejiet id-Duluri, ser isir ċelebrazzjoni penitenzjali, jiġifieri ċelebrazzjoni tas-sagrament tal-Qrar. Nibdew fis-6.00 pm u l-Qrar jibqa’ għaddej sas-7.15 pm. Imbagħad fis-7.30 pm kulħadd huwa mistieden biex nilqgħu lil E. T. Mons. Joseph Galea Curmi li, flimkien ma’ Dun Ġużepp Mifsud Bonnici se jiftaħ il-wirja fil-Librerija Parrokkjali u fis-Sala Dun Manwel, fejn se jkunu esebiti ix-xogħolijiet li saru fil-melħ minn dawk li ġew għall-kors li sar minn Bro.Charles Azzopardi, Kapuċċin.
Nhar il-Ġimgħa festa għażiża tad-Duluri . Quddies: 6:15 am, 7:15 am, fid-9.00 am bis-sehem tat-tfal tal-iskejjel, fl-12:00 pm li għaliha mistednin speċjalment dawk li jaħdmu fl-akkwata tal-Parroċċa tagħna, fil-5:30 pm, qabel ma toħroġ il-Purċissjoni u jkun hemm quddiesa oħra kif tidhol il-Purċissjoni. Il-Purċissjoni tgħaddi mit-toroq: Manwel Magri, Ġuże Pace, Lunzjata, Vincenzo Bugeja, Villambrosa, Patrijiet Franġiskani, Roger Debattista, Tramm , Kapp. Mifsud sal-Knisja.
Nhar Il-Ħadd li ġej: festa ta’ Ħadd-il Palm fid-9.00 am isir ir-rit tat-tberik tal-friegħi tal-Palm u taż-Żebbuġ fil-bitħa tas-Sorijiet tal-Eġittu. Għalhekk niltaqgħu hemm u mhux fil-Knisja, biex niġu Purċissjoni sal-Knisja fejn niċċelebraw il-quddiesa tad-daħla ta’ Ġesu’ ġewwa Ġerusalemm u b’hekk naghtu bidu għall-Ġimgha Mqaddsa li preparajna ruħna għaliha matul ir-Randan.
Bħal snin oħra, is-Segretarjat Assistenaza Soċjali tal-Azzjoni Kattolika se jorganizza ĠIMGĦA TA’ SAGRIFIĊĊJU minn nhar il-Ġimgħa tad-Duluri sal-Ġimgħa l-kbira, jiġifieri bejn il-11 u 18 ta’ April. Għal dan l-iskop, matul dawn id-dati se titqiegħed kaxxa bil-kitba ‘Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju biex nitfgħu fihom l-offerti tagħna. Dawn se jmorru sabiex issir ħidma ta’ karita’ ma’ familji u persuni li jeħtieġu diversi forom ta’ għajnuna.
Bħal kull sena, se niġbru l-figolli biex jingħataw lill-persuni bi bżonnijiet speċjali f’quddiesa li ssir l-għada ta’ l-Għid filgħaxija. Ejjew inferrħu lil dawn ħutna f’dan iż-żmien hekk sabiħ u ngħinuhom iħossubom maħbubin. Għal dan il-għan ukoll nhar l-Erbgħa 16 t’April mill-10.00 am sal-12.00 pm (hija l-ewwel ġurnata tal-vaganzi tal-iskola) se jsir Easter Figolla Party fis-Sala Parrokkjali. It-tfal se jaħdmu l-figolli biex inkunu nistgħu nagħtuhom lill-persuni bi bżonnijiet speċjali. Min jixtieq li tfal tiegħu jieħdu sehem jista’ jibgħat SMS jew WHATSUP fuq in-numru 79000490.
Nitolbu għal ruħ Alfred Cassar li miet matul din il-ġimgħa. Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.