It-Tnejn

QARI I
Ma nstab ħadd bħal Danjel, Ħananija, Misaèl u Għażarija.
Dan 1, 1-6, 8-20

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel

Fit-tielet sena tas-saltna ta’ Ġeħojakim is-Sultan ta’ Ġuda, Nabukodonosor, is-sultan ta’ Babilonja, tala’ Ġerusalemm biex jaħbat għaliha. U Alla Sidi telaqlu f’idejh lil Ġeħojakim, sultan ta’ Ġuda, u xi ħaġa mit-tagħmir tat-tempju ta’ Alla; u hu ġarrhom fl-art ta’ Singħar, fid-dar tal-alla tiegħu, u qegħedhom fit-teżor tat-tempju tal-alla tiegħu.

Imbagħad is-sultan ordna lil Asfenaż, il-kbir fost l-uffiċjali tiegħu, biex iġib lil xi wħud mill-Iżraelin, kemm minn nisel is-sultan u kemm minn tal-kbarat, żgħażagħ li ma jkun fihom ebda difett, sbieħ f’surithom, imħarrġin f’kull għerf, mogħnija bid-dehen, jafu jħaddmu l-għaqal, u li jkunu jinqalgħu biex jaqdu fil-palazz tas-sultan, biex lilhom Asfenaż jgħallimhom il-kitba u l-ilsien tal-Kaldin. Is-sultan ried ukoll li ta’ kuljum jibda jingħatalhom sehem mill-ikel tas-sultan u mill-inbid li kien jixrob hu, u li jibqgħu jitħarrġu għal tliet snin, meta mbagħad jibdew jidhru quddiem is-sultan. Fosthom kien hemm Danjel, Ħananija, Misaèl u Għażarija, minn ulied Ġuda.

Issa Danjel kien għamel il-ħsieb li ma jitniġġisx bl-ikel tas-sultan u bl-inbid li kien jixrob hu, u talab lill-kap tal-uffiċjali biex ma jniġġisx. U Alla ta lil Danjel li jsib tieba u ħniena quddiem il-kap tal-uffiċjali. Dan, iżda, qal lil Danjel: “Nibża’ minn sidi s-sultan, li ordna x’għandkom tieklu u tixorbu, li ma jmurx jaralkom wiċċkom mixrub aktar minn dak taż-żgħażagħ l-oħra tamparkom; inkella mbagħad rasi jkollha tagħmel tajjeb għalikom quddiem is-sultan”. Imbagħad Danjel qal lill-uffiċjal li kien tqabbad mill-kap tal-uffiċjali biex jieħu ħsieb Danjel, Ħananija, Misaèl u Għażarija: “Nitolbok tagħmel prova ta’ għaxart ijiem fuq il-qaddejja tiegħek, biex lilna tagħtina nieklu ħxejjex u nixorbu l-ilma. Imbagħad ejja ħares lejna u lejn iż-żgħażagħ l-oħra li jieklu mill-ikel tas-sultan, u fuq dak li tara, imxi mal-qaddejja tiegħek”.

Hu qagħad għal dak li qalulu, u għaddiehom minn prova ta’ għaxart ijiem. Meta għaddew l-għaxart ijiem, dehru li kienu sbieħu u tqawwew f’ġisimhom aktar miż-żgħażagħ l-oħra li kienu jieklu mill-ikel tas-sultan. Għalhekk l-uffiċjal neħħielhom l-ikel speċjali tagħhom u l-inbid li tahom jixorbu, u newlilhom il-ħxejjex. U lil dawk l-erba’ żgħażagħ Alla tahom għerf u għaqal f’kull kitba u għerf, u Danjel sar jifhem id-dehriet u l-ħolm kollu.

Meta wasal iż-żmien li fih iż-żgħażagħ kellhom jidħlu quddiem is-sultan, kif hu stess kien ordna, il-kap tal-uffiċjali daħħalhom quddiem Nabukodonosor. Is-sultan qagħad jitkellem magħhom, u fosthom ilkoll ma nstab ħadd bħal Danjel, Ħananija, Misaèl u Għażarija; u dawn baqgħu quddiem is-sultan. U f’kull ħaġa ta’ għerf u għaqal li kien jistaqsihom is-sultan, kien isibhom għaxar darbiet aqwa mill-maġi u l-bassara kollha li kien hemm fis-saltna kollha tiegħu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Dan 3, 52.53.54.55.56

R/. (52b): Ta’ min ifaħħrek u jsebbħek fuq kollox għal dejjem

Imbierek int, Mulej, Alla ta’ missirijietna,
imbierek ismek qaddis u msebbaħ. R/.

Imbierek int fit-tempju tas-sebħ imqaddes tiegħek,
imbierek int fuq it-tron ta’ saltnatek. R/.

Imbierek int li qiegħed fuq il-kerubini, li ħarstek tinfed l-abbissi,
imbierek int fil-wisa’ kollu tas-sema. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 24. 42a.44

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ishru u kunu lesti intom ukoll,
għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa
li fiha jiġi Bin il-bniedem.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ra waħda armla fqira titfa’ biċċtejn żgħar tal-flus.
Lq 21, 1-4

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù rafa’ għajnejh u ra l-għonja jitfgħu l-offerti tagħhom fit-teżor tat-tempju. U ra wkoll waħda armla fqira titfa’ biċċtejn żgħar tal-flus, u qal: “Ngħidilkom is-sew, din l-armla fqira tefgħet iktar minnhom ilkoll. Għax dawn kollha għamlu offerti miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet dak kollu li kellha biex tgħix”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu



It-Tlieta

QARI I
Alla tas-sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt, u li l-ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor.
Dan 2, 31-45

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel

F’dak iż-żmien, Danjel qal lil Nabukodonosor: “Sultan, int kellek din id-dehra: kien hemm statwa, statwa kbira tassew u tleqq tal-għaġeb; kienet wieqfa quddiemek, u d-dehra tagħha kienet tal-biża’. Ras din l-istatwa kienet tad-deheb, sidirha u dirgħajha tal-fidda, żaqqha u kuxxtejha tal-bronż, riġlejha tal-ħadid, u saqajha biċċa tal-ħadid u biċċa tat-tafal. Inti u tħares inqatgħet ġebla, bla ma messha ħadd, laqtet l-istatwa f’saqajha tal-ħadid u t-tafal, u għamlithomlha frak. Imbagħad tfarrku f’daqqa waħda l-ħadid, it-tafal, il-bronż, il-fidda u d-deheb, u saru qishom il-karfa li tittajjar minn fuq il-qiegħa fis-sajf. U r-riħ ġarrhom miegħu, u ebda ħjiel tagħhom ma baqa’. U l-ġebla li laqtet l-istatwa saret muntanja kbira li mliet l-art kollha.

Din hija l-ħolma; issa ħa ngħidu wkoll it-tifsira tagħha quddiem is-sultan. Int, sultan tas-slaten, li lilek Alla tas-sema tak is-saltna, is-setgħa, il-qawwa u l-glorja, u li ħallielek f’idejk lil ulied il-bnedmin, il-bhejjem tar-raba’ u l-għasafar tal-ajru kull fejn jinsabu, u qiegħdek taħkem fuqhom kollha, inti huwa r-ras tad-deheb. Warajk għad tqum saltna oħra, inqas minnek; u mbagħad saltna oħra, it-tielet waħda, tal-bronż, li tkun taħkem fuq l-art kollha.

Ikun hemm ukoll ir-raba’ saltna qawwija daqs il-ħadid, u ladarba l-ħadid ifarrak u jisħaq kollox, hekk din is-saltna tkisser u tfarrak lill-oħrajn kollha. U billi s-saqajn u s-swaba’ rajthom biċċa tafal tal-fuħħari u biċċa tal-ħadid, is-saltna tkun maqsuma, u jkollha fiha mill-qawwa tal-ħadid, ladarba mat-tafal kien hemm imħallat il-ħadid. U kif is-swaba’ tas-saqajn kienu biċċa tal-ħadid u biċċa tat-tafal, hekk is-saltna tkun biċċa qawwija u biċċa dgħajfa. U bħalma int rajt il-ħadid imħallat mat-tafal, hekk huma jitħalltu bejniethom bi żwiġijiet imma ma jingħaqdux waħda mal-oħra, l-istess kif il-ħadid ma jingħaqadx mat-tafal.

Imbagħad, fi żmien dawn is-slaten, Alla tas-sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt, u li l-ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-saltniet l-oħra kollha, waqt li hi tibqa’ wieqfa għal dejjem. Kien għalhekk li int rajt mill-muntanja tinqata’ ġebla bla ma messha ħadd, u farrket il-ħadid, il-bronż, it-tafal, il-fidda u d-deheb. Il-kbir Alla għarraf lis-sultan b’dak li għad jiġri ’l quddiem. Il-ħolma hija minnha, u t-tifsira tagħha ta’ min jemminha”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Dan 3, 57.58.59.60.61

R/. (59b): Faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej. R/.

Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej. R/.

Bierku, smewwiet, il-Mulej. R/.

Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej. R/.

Bierku, setgħat kollha, il-Mulej. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Apok 2, 10ċ

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ibqa’ fidil sal-mewt, jgħid il-Mulej
u jien nagħtik il-kuruna tal-ħajja.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ma tibqax ġebla fuq oħra.
Lq 21, 5-11

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, kien hemm xi wħud li bdew jgħidu fuq kemm it-tempju kien imżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet; iżda Ġesù qalilhom: “Kulma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx”.

U huma staqsewh u qalulu: “Mgħallem, issa dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex iseħħu?”. Qalilhom: “Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu: “Jien hu”, u: “Iż-żmien wasal”. Tmorrux warajhom! Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih”.

Imbagħad qalilhom: “Għad iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna, l-art titheżżeż bil-kbir, f’ħafna bnadi jkun hemm il-ġuħ u mard li jittieħed, u fis-sema jidhru ħwejjeġ tal-biża’ u sinjali tal-għaġeb”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu



L-Erbgħa

QARI I
Ħarġu swaba’ ta’ id ta’ bniedem, u bdew jiktbu.
Dan 5, 1-6.13-14.16-17.23-28

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel

F’dak iż-żmien, is-sultan Beltassar għamel ikla kbira lil elf mill-kbarat tiegħu, u quddiem dawn l-elf qabad jixrob l-inbid. Kif daq l-inbid, Beltassar bagħat iġib it-tazzi tad-deheb u tal-fidda, li missieru Nabukodonosor kien ġieb mit-tempju ta’ Ġerusalemm, biex minnhom jixrob is-sultan u l-kbarat tiegħu, in-nisa tiegħu u l-konkubini l-oħra li kellu. Imbagħad daħħlu t-tazzi tad-deheb li kienu nġiebu mis-santwarju ta’ Alla f’Ġerusalemm, u minnhom xorob is-sultan u kbaratu, in-nisa tiegħu u l-konkubini li kellu. Xorbu l-inbid, u faħħru l-allat tad-deheb u tal-fidda, tal-bronż u tal-ħadid, tal-injam u tal-ġebel.

Minnufih ħarġu swaba’ ta’ id ta’ bniedem, u bdew jiktbu biswit il-gandlier, fuq il-ġir tal-ħajt tal-palazz tas-sultan. Is-sultan raha dik l-id miftuħa hi u tikteb. Imbagħad is-sultan wiċċu tbiddel u ħsibijietu ħasduh, il-ġogi ta’ ġenbejh inħallu, u rkupptejh bdew iħabbtu ma’ xulxin.

Imbagħad daħħlu lil Danjel quddiem is-sultan. Is-sultan qabad jgħid lil Danjel: “Inti hu Danjel, minn ulied l-itturufnati ta’ Ġuda, dawk li s-sultan missieri kien ġieb minn Ġuda? Jien smajt fuqek li int għandek fik l-ispirtu tal-allat, u li fik instab dawl, għaqal u għerf liema bħalu. Jiena smajt fuqek li inti tista’ tagħti tifsir u tħoll problemi tqal. Issa, jekk tista’ taqra l-kitba u tgħarrafni t-tifsira tagħha, inti tilbes il-porpra u kullana tad-deheb ma’ għonqok, u tkun it-tielet fil-ħakma tas-saltna”.

Imbagħad Danjel wieġeb u qal quddiem is-sultan: “Ħa jibqgħu għalik ir-rigali tiegħek, u d-doni tiegħek agħtihom lil ħaddieħor. Madankollu l-kitba naqrahielu lis-sultan, u nagħtih it-tifsira tagħha. Int ridt titgħolla fuq Sid is-smewwiet, ġabulek quddiemek it-tazzi tat-tempju tiegħu, u minnhom xrobt l-inbid int u l-kbarat tiegħek, in-nisa tiegħek u l-konkubini li għandek; u faħħart l-allat tal-fidda u d-deheb, tal-bronż, tal-ħadid u tal-ħatab, li la jaraw, la jisimgħu u lanqas jagħrfu; imma lil Alla, li f’idejh tinsab ħajtek u triqatek kollha, inti ma tajtux ġieħ. Imbagħad minn quddiemu kien mibgħut tarf ta’ id u kitba, din li nkitbet. U din hi l-kitba li nkitbet: Mene, Teqel, Parsin.

It-tifsira tal-kliem hija din: Mene, Alla għadd il-jiem ta’ saltnatek u temmha; Teqel, intiżint fil-miżien u kont misjub nieqes fil-piż; Parsin, saltnatek hija maqsuma u mogħtija lill-Medi u lill-Persjani”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Dan 3, 62.63.64.65.66.67

R/. (59b): Faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem

Bierku, xemx u qamar, il-Mulej. R/.

ierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej. R/.

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej. R/.

Bierku, irjieħ kollha, il-Mulej. R/.

Bierek, nar u sħana, il-Mulej. R/.

Bierek, bard u ksieħ, il-Mulej. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Apok 2, 10ċ

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ibqa’ fidil sal-mewt, jgħid il-Mulej,
u jien nagħtik il-kuruna tal-ħajja.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx.
Lq 21, 12-19

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jixħtu jdejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn il-mexxejja tas-sinagoga u jitfgħukom il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f’ismi. Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda. U żommu sewwa f’moħħkom: toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom, għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih. U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom, u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx. Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Shopping Basket