Il-Ħadd 13 ta’ Diċembru 2020 – It-Tielet Ħadd tal-Avvent Sena B

Avvizi

  1. Nhar it-Tlieta tibda  n-novena tal-Milied. Matul in-novena ikun hawn rużarju, kurunella tal-Bambin u ħsieb qasir fil-bidu tal-quddiesa ta’ filgħaxija
  2. Nhar il-Ħamis ikun hawn l- adorazzjoni wara l-quddiesa ta’ filgħaxija.
  3. Nhar is-Sibt fil-5.45pm jingħad ir-rużarju, fis-6.10  pm jitkanta l-għasar tar-raba’ Ħadd tal-Avvent u fis-6.30 pm quddiesa .
  4. Bħalissa qed inqassmu l-envelop tal-Istrina għall-parroċċa biex tgħinu kif tistgħu fl-ispejjeż tal-parroċċa. Minħabba r-ristrizzjonijiet li hawn mhux se jinġabru mill-helpers tagħna imma nitolbukom biex igġibuhom fil-knisja jew l-uffiċċju jew tibgħatuhom ma’ xi ħadd ta’ fiduċja.
  5. Il-Caritas  bagħtitlilna l-ikel u preserves bħala għajnuna lill-familji fil-bżonn. Dan l-ikel jista’ jinġabar  mill-Uffiċċju parrokkjali fil-ħinijiet tal-uffiċċju. Importanti li dawk li se jiġbru l-ikel iġibu magħhom basket apposta.
  6. Armajna s-siġra tal-Milied sabiex inkunu nistgħu nilqgħu donazzjonijiet ta’ ikel li din is-sena se noffruhom lill-familji fil-bżonn tal-parroċċa.
  7. Se nixtru  kwantità ta’ punzjetti biex inżejnu l-artal u l-Knisja għall-ġranet tal-Milied. Qed niġbru donazzjoni ta’ €4 għal kull punzjetta.
  8. Nitolbu għall-erwieħ ta’ Alfred Borg u  Johnny Migneco li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom O Mulej,  il-mistireħ ta’ dejjem.
  9. Fil-Festa tal-Kuncizzjoni ħabbarna proġett ġdid ta’ seba’ pannelli maħdumin fl-injam mid-Ditta Stuflesser ta’ Ortisei li se jirrappreżentaw is-saġramenti u li se jitpoġġew fis-seba’ spazji li hemm fuq l-antiporta fil-gallarija. Il-proġett se jqum ftit inqas minn € 9000. Kulħadd jista’ jgħin ħalli nagħmlu dan il-proġett ta’ tisbiħ fil-Knisja tagħna.

Il-Ħadd 6 ta’ Diċembru 2020 – It-Tieni Ħadd tal-Avvent Sena B

Avvizi

  1. Nhar it-Tnejn lejliet il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni ir-Rużarju jkun fis-5.45 pm, ħsieb fuq il-ħajja ta’ Marija, Kurunella u kant  tal-Ewwel Għasar tal-Kunċizzjoni. Fis-6.30 pm quddiesa. Wara l-quddiesa se nagħmlu velja ta’ talb bi ftit riflessjonijiet fuq Maria.
  2. Nhar it-Tlieta hija  l-festa liturġika tal- Immakulata Kunċizzjoni, il-quddies ikun bħal tal-Ħadd. Fit- 8.45 am se jsir it-Tifħir ta’ sbieħ il-Jum kantat. Fillgħaxija fis–5.45 pm Rużarju meditat, fis-6.10 pm Ċelebrazzjoni tat-Tieni Għasar u fis-6.30 pm quddiesa kantata mmexxija minn Patri Pawl Galea OFM, Gwardjan tal-Patrijiet Franġiskani. Dak inhar ukoll se nkunu qed jinbiegħu Ponsietti  fejn il-knisja. Il-qliegħ imur għall-knisja.
  3. Nhar il-Ħamis fid-8.45 am ikun hawn l-Adorazzjoni tal-Ħniena Divina fil-Kappella u adorazzjoni wara l-quddiesa ta’ filgħaxija.
  4. Nhar is-Sibt fis-5.45 pm jingħad ir-Rużarju, fis-6.10  pm jitkanta l-għasar tat-tielet Ħadd ta’ l-Avvent u fis-6.30 pm quddiesa.
  5. Armajna s-siġra tal-Milied bl-iskop li, apparti li nżejnu l-Knisja, inpoġġu taħtha ikel biex intuhom lill-familji fil-bżonn . Nitolbukom tkunu ġenerużi.
  6. Fil-ġranet i ġejjin se nqassmu l-envelop tal-Istrina għall-parroċċa biex tgħinu fl-ispejjeż tal-parroċċa. Bħal ma tafu din is-sena kienet sena diffiċli , għax il-ġbir naqas b’madwar 30 fil-mija tas-soltu apparti li  l-ispejjeż baqgħu l-istess. Minħabba r-ristrizzjonijiet li hawn mhux se jinġabru mill-helpers tagħna imma nitolbukom biex iġġibuhom fil-knisja jew l-uffiċċju jew tibgħatuhom ma xi ħadd ta’ fiduċja.
  7. Il-Caritas qed toffri għajnuna lill-familji fil-bżonn permezz ta’ għoti ta’ ikel  u ikliet kif ukoll qed toffri ikla tal-Milied. Nitolbukom sabiex twasslu dan il-messaġġ lil dawk li jistgħu jibbenifikaw minn din l-għajnuna sabiex jikkuntattjawna l-uffiċċju parrokkjali jew fis-sagristija.
  8. Nitolbu għal ruħ Melita Spiteri li mietet matul dawn il-ġranet.  Agħtiha O Mulej Il-mistrieħ ta dejjem..

Il-Ħadd 29 ta’ Novembru 2020 – L-Ewwel Ħadd tal-Avvent Sena B

Avvizi

  1. Illum tibda in-novena tal-Immakulata Kunċizzjoni. Matula ser ikollna riflessjonijiet fuq il-ħajja tal-Madonna. Dawn ser jinqraw qabel il-quddiesa tat-8.15 am u qabel il-quddiesa tas-6.30 pm. Filghaxija tingħad ukoll il-Kurunella wara r-rużarju.
  2. Nhar it-Tnejn  fil-quddiesa tas-6.30 pm  ser infakkru il-35 sena mill-wasla tal-Vara tal-Kunċizzjoni fil-Parroċċa tagħna. Għal din il-Quddiesa ġew mistiedna r-reffiegħa kollha li ħadu sehem fil-purċissjonijiet.
  3. Nhar it-Tlieta se jiltaqa’ l–Kunsill Pastorali Parrokkjali fis-7 pm.
  4. Nhar Il-Ħamis  fis 6.30 pm ser ikollna l-quddiesa bis-sehem tal-abbatini tal-Parroċċa. Huma se jġeddu l-wegħdiet tagħhom flimkien mal-ġenituri.
  5. Nhar il-Ġimgħa hija l-ewwel ġimgħa tax-xahar.  Fis-6.30 pm quddiesa u wara Adorazzjoni Ewkaristika.
  6. Nhar is-Sibt fil-5.45pm jingħad ir-rużarju u wara l-kurunella tal-Kunċizzjoni, ħsieb fuq il-Madonna,  fis-6.10 pm ċelebrazzjoni tal-Ewwel għasar u fis-6.30 pm quddiesa.
  7. Fl-okkażjoni tal-festa tal-Immakulata Kunċizjoni se norganizzaw katina ta’ rużarju mid-djar tagħna fil-jum  tal-festa fit-8 ta’ Diċembru.  Dawk li  jixtiequ jieħdu sehem jistghu jagħti isimhom u l-ħin fis-sagrisitja. Nitolbu biex il-Madonna thares u tipprotegi lil Parrocca u d-dinja kollha f’din il-pandemija.
  8. Nitolbu għall-erwieh ta’ William Dimech, Martino Attard u  Emanuela Bartolo li mietu matul dawn il-ġranet.  Agħtihom O Mulej il-mistrieh ta’ dejjem.

Il-Ħadd 22 ta’ Novembru 2020 – L-Erbgħa u Tletin Ħadd matul is-sena A

Avviżi

Festa ta’ Kristu Re

  1. Fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Kristu Re, llejla ser isir ċelebrazzjoni  imexxxija minn Mons. Arċisqof Charles Scicluna, fil-Bażilika ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid,  fil-5.00 pm.
  2. Nhar il-Ħamis ikun hawn adorazzjoni Ewkaristika wara l-quddiesa ta’ filgħaxija.
  3. Nhar is-Sibt li se nibdew iż-żmien ta’ l-Avvent. Fil-5.45 pm jingħad ir-rużarju fis-6.10  pm jitkanta l-Ewwel għasar u fis-6.30 pm quddiesa .
  4. Nhar il-Ħadd huwa l-Ewwel Ħadd tal-Avvent, kif ukoll nagħtu bidu għan-novena tal-festa liturġika tal-Immakulata Kunċizzjoni. Matul in-novena fis-6.00 pm jinqara ħsieb fuq il-ħajja tal-Madonna, rużarju u kurunella. Fis-6.30 pm quddiesa.
  5.  Nixtiequ ninfurmawkom li ħarġu r-regolamenti għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta. Aktar informazzjoni fuq in-notice board u l-website www.knisja.mt.
  6. Navżaw li l-Ħadd li ġej se ssir il-Ġabra Speċjali biex ngħinu lill-Patrijiet Franġiskani fl-Art Imqaddsa.