Nhar il -Ġimgħa, inkomplu bit-2 laqgħa tal-eżerċizzi fis-6:00 pm Via Crucis, 6:30 pm Quddiesa, wara jsir il-ħsieb minn membru ta’ MUSEUM u nagħlqu bil-barka Sagramentali. Inħeġġeġ lil kulħadd biex tattendu għal dawn il-laqgħat sbieħ li jagħtuna kuraġġ fil-mixja tagħna wara l-Mulej.
Biex tiċċelebra l-45 anniversarju mit-twaqqif tagħha, l-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni qed toffri ikla b’xejn lil persuni li joqgħodu weħidhom. Dan se jsir f’Jum l-Omm, Jum il-Missier u fil-Jum tal-festa titulari tagħna. Għalhekk min għandu xi qraba li jixtieq li f’dawn il-ġranet li semmejt, jirċievu d-dar ikla, jew dawk fostkom li jafu lil xi ħadd li jinsab waħdu/weħidha jew koppja anzjani, għandhom jiġbru formola mis-sagristija, jimliha u jġibha l-uffiċċju Parrokkjali. Dan hu mod sabiħ kif inferrħu lil dawk li jgħixu f’solitudni u wkoll biex iħossuhom parti mill-komunita’. Ta’ min ifaħħar din l-inizjattiva li ħadet l-Għaqda Mużikali tagħna.
Nhar il-Ħamis 7 ta’ Marzu se ssir FTIRA NIGHT bit-tombla b’risq il-festa. Nibdew 7:00 pm fis-Sala Parrokkjali. Biljett mingħand il-helpers.
Il-Ħadd 17 ta’ Marzu se jkollna il-Pellegrinaġġ mat-toroq tal-Parroċċa tagħna: Kristu fi Triqatna. Baqa’ xi postijiet għal żgħażagħ jew irġiel li jixtiequ jieħdu sehem. Ejjew mhux biss napprezzaw dak li jsir fil-Parroċċa imma wkoll fejn nistgħu nieħdu sehem biex okkażjonijiet bħal dawn jissaħħu u jħallu l-ġid. Iġbru applikazzjoni mis-Sagristija.
Nhar il-Ħadd li ġej huwa l-ewwel Ħadd tax-xahar u għalhekk il-ġabra tkun għall-bżonnijiet tal-Knisja tagħna.
Nitolbu għal ruħ Giovanna Abela li mietet matul din il-ġimgħa. Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.