It-Tielet Ħadd matul is-Sena
– Sena Liturġika B
54, Triq Manwel Magri,
Ħamrun HMR 10,
Malta
Tel: 21232643
AVVIŻI TAL-PARROĊĊA
-
Dawk il-ġenituri li għandhom it-tfal se jagħmlu l-Ewwel Tqarbina din is-sena, għandhom jiġu jirreġistrawhom fil-ġranet tal-Uffiċċju, jiġifieri it-Tnejn mid-9:00 am ‘il quddiem u l-Ġimgħa mill-4:30 pm ‘il quddiem. Għandhom jiġu kemm l-Omm u kemm il-Missier. Magħkom tridu ġġibu iċ-ċertifikat il-kbir tat-twelid, u jekk ma jkunux joqogħdu fil-Parroċċa tagħna, iridu wkoll ċertifikat tal-magħmudija u permess mill-Kappillan tal-Parroċċa tagħhom biex jirċievu l-Ewwel Tqarbina f’Parroċċa oħra. Ma nħallux għal aħħar.
-
Nhar il-Ħamis ikun hawn l-Adorazzjoni Ewkaristika wara l-quddiesa tas-6:30 pm.
-
Is-sena l-oħra, kulħadd apprezza l-pelleġrinaġġ li għamilna mal-Ħamrun kollu bil-kurċifiss sabiħ li għandna fil-Parroċċa tagħna. Din is-sena se nerġgħu nagħmluha il-Ħadd 17 ta’ Marzu fil-5:00 pm. Din id-darba se ssir biss mat-toroq tal-Parroċċa tagħna. Għaldaqstant, f’isem l-Għaqda Mużikali tagħna, qed nagħmel sejħa biex dawk li jixtiequ jieħdu sehem, jiġu jiġbru formola mis-sagristija, jimlewha u jwassluha fl-uffiċċju Parrokkjali sal-Ħadd 17 ta’ Frar. Inħeġġiġkom sabiex min jista’ mhux biss jattendi imma jagħti sehmu biex din l-attivita’ tkompli tkun okkażjoni sabiħa għalina lkoll.
-
Fl-okkazjoni tal-170 sena mid-domma tal-Immakulata u l-45 sena mit-twaqqif tas-Soċjeta’ Mużikali, il-Banda tagħna ġiet mistiedna biex tagħmel żjara u ddoqq ġewwa Lourdes. Din hija okkażjoni unika li ebda banda qatt ma għamlet. Iż-żjara se ssir bejn is-Sibt 27 t’April u l-Erbgħa l-1 ta’ Mejju li ġej. Se jkun hemm okkażjoni li niċċelebraw quddiesa fil-Grotta ta’ Lourdes bil-Malti, bis-sehem tal-Banda u wkoll li l-Banda ddoqq kemm waqt il-purċissjoji bis-Sagrament u kemm waqt l-Aux flembeux bil-Madonna. Hija okkażjoni li m’għandkomx titilfu żgur. Aktar dettalji fin-notice boards.
-
Filwaqt li nirringrazzjaw lis-Surmast, lil Richard u lill-Kor tal-Parroċċa li dejjem taw kontribut siewi lill-Parroċċa, qed nagħmel sejħa sabiex oħrajn jingħaqdu mal-Kor tagħna. Huwa dispjaċir li tara li għandna persuni kapaċi għal diversi servizzi fil-Knisja u jibqgħu lura milli jagħmlu dan. Nitlobkom ma tibqgħux lura u tinvolvu ruħkom fid-diversi ħidmiet li jsawwru l-komunita’ tagħna. Min jixtieq jista’ javviċina lili jew lis-Surmast is-Sur Frans Pace.
-
Nitolbu għal ruħ Roġer Tirazona u John Farruġia li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.