It-Talb
Għan-nisrani, it-talb huwa mill-aktar meħtieġ. It-talb huwa l-modi differenti ta’ kif, in-nisrani jibni relazzjoni ma’ Alla, Alla li kif għallimna Ġesu huwa Missier li jħobb u li jrid ikun qrib tagħna.
Bħal kull relazzjoni, il-ħbiberija ma’ Alla trid taħdem fuqha ta’ kuljum, anke jekk Hu dejjem idejH miftuħa għalina. Bħal kull relazzjoni, tgħaddi minn perjodi u fażijiet differenti.
Hemm diversi modi ta kif issostni din il-ħbiberija. Neċessarju li nfittxu li nkunu fil-preżenza ta’ Ġesu. In-nisrani għandu l-Kelma t’ Alla, mezz mill-aktar ċert biex wieħed jisma’ dak li Alla jrid jgħidilna. Għandna wkoll il-Liturġija biex nitolbu flimkien bħala nsara u b’ mod speċjali s-sagrament tal-Ewkaristija, biex ngawdu l-preżenza reali ta’ Ġesu’. Kif qalilna Hu, nistgħu infittxuh ukoll fil-preżenza tal-fqar u l-emarġinati.
Relazzjoni b’ saħħitha mibnija fuq komunikazzjoni tajba, tinbena fuq il-kapaċita li tisma’. It-talb huwa fuq kollox l-kapaċita’ li tisma’ u għaldaqstant it-talb jitlob minna li ninġabru fis-skiet. Hemm modi differenti ta’ talb u tant insara matul iż-żmien urewna modi differenti. Ġesu tana t-talba tal-Missierna biex biha jgħallimna kif nitolbu. Qaddisin u Ordnijiet reliġjużi differenti tawna għodda differenti bħal Lectio Divina (mod ta’ talb bil-Bibbja), il-meditazzjoni, ir-Rużarju u diversi devozzjonijiet fost oħrajn. Il-Knisja ttina l-liturġija biex nitolbu bħala komunita’.
Meta tanalizza t-talba li għallimna Ġesu, wieħed jista’ jagħraf ukoll il-qalba tat-talb tan-nisrani x’ għandu jkun. In-nisrani jista’ jiftaħ qalbu fit-talb, konxju li qed jitkellem ma’ Missier li jrid jisimgħu. Għandna nfaħħruh ta’ dak li għamel magħna, nitolbuh maħfra għan-nuqqasijiet, u nitolbu kemm għalina nfusna u anke għall-oħrajn. Għandna nirriflettu fuq ħajjitna u nitolbu l-għajnuna biex ngħixu lkoll verament ta’ nsara. M’ għandniex niddejqu nitolbu għall-bżonnijiet tagħna u tal-oħrajn. L-importanti huwa li t-talb ilaqqgħana b’ mod personali mal-persuna ta’ Ġesu’.