QARI I
Il-poplu ta’ Alla jidħol fl-art imwiegħda u jiċċelebra l-Għid.
Ġoż 5:9a,10-12
Qari mill-Ktieb ta’ Ġożwè
F’dak iż-żmien, il-Mulej qal lil Ġożwè: “Illum jien neħħejtilkom minn fuqkom l-għajb tal-Eġittu”. Ulied Iżrael waqqfu l-kamp tagħhom f’Gilgal. Hemm, fil-witat ta’ Ġeriko, għamlu l-Għid filgħaxija tal-erbatax tax-xahar. U sewwasew l-għada tal-Għid, huma kielu mill-frott tal-art: ħobż ażżmu u qamħ inkaljat.
Minn dakinhar, wara li kielu mill-frott tal-art, il-manna waqfet. Ulied Iżrael ma kellhomx aktar manna, imma minn dik is-sena bdew jieklu milli bdiet tagħtihom l-art ta’ Kangħan.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 33(34):2-3,4-5,6-7
R/.(9a): Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.
Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.
Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi;
ħa ngħollu ismu flimkien.
Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,
minn kull biża’ tiegħi ħelisni. R/.
Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom,
u ma jkollkomx għax tistħu.
Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,
u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu. R/.
QARI II
Alla ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu.
2 Kor 5:17-21
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid. Kollox ġej minn Alla li ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu u tana l-ministeru ta’ din il-ħbiberija tal-bnedmin ma’ Alla. Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu, bla ma qagħad iżomm il-kont ta’ dnubiethom, u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija. Aħna nagħmluha ta’ ambaxxaturi ta’ Kristu bħallikieku Alla stess qiegħed isejjaħ permezz tagħna, nitolbu fuq li nitolbu f’ġieħ Kristu: Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu. Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna nsiru fih ġustizzja ta’ Alla.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 15:18
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu:
Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
EVANĠELJU
Dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab.
Lq 15:1-3,11-32
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom lejn Ġesù biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom!”.
U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: “Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Iż-żgħir qal lil missieru: ‘Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid’. U dak qassmilhom il-ġid. Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra. Meta ħela kulma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn. U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer. Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.
Imbagħad daħal fih innifsu u qal: ‘Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu: Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek’.
Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. It-tifel qallu: ‘Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek’.
Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu: ‘Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’. U għamlu festa.
Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin. Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. Dak qallu: ‘Hawn ħuk u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ’. Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. Iżda hu qal lil missieru: ‘Ara, ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen’. Qallu missieru: ‘Ibni, inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.