Il-Liturġija
Dawk kollha li jsejħu lilhom infushom insara iħossu l-bżonn li flimkien ifaħħru u jirringrazzjaw lil Alla ta’ dak kollu li jagħmel magħhom. Dan huwa s-sens kollu wara l-Liturġija, li flimkien bħala Knisja waħda universali infaħħru lil Alla l-Missier flimkien. Magħqudin mal-insara l-oħra tad-dinja nużaw l-istess talb u tifħir lil Alla l-Missier.
U l-ikbar talba li flimkien bħala Knisja nistgħu noffru hija ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Kif inhi aktar magħrufa fostna, il-Quddiesa, hija ċ-ċelebrazzjoni-ringrazzjament prinċipali tan-nisrani. Fiha aħna bħala komunita’ nisranija flimkien, niftakru u nidħlu fil-preżenza tal-Misteru tal-Għid; il-misteru tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tal-Mulej Ġesu. Flimkien niċċelebraw il-kobor u l-qofol tal-imħabba ta’ Alla l-Missier lejn il-Bniedem, li biex jurina min Hu, kien lest li Ibnu l-Waħdieni jiċċekken anke sal-mewt tas-Salib.
L-Ewkaristija hija wkoll ikla. Fil-lejl tal-Aħħar Ikla, Ġesu ta din il-missjoni lill-Appostli, li jkomplu jagħmlu din l-ikla b’ tifkira tiegħu. Bħal kull ikla, l-Ewkaristija hija ċelebrazzjoni li tgħaqqadna flimkien bħala komunita nisranija tal-Ħamrun u flimkien mal-insara kollha madwar id-Dinja. Bħal kull ikel, l-Ewkaristija tagħtina s-sostenn biex ngħixu ta’ nsara, tant li li l-Knisja ttina l-Ewkaristija ta’ kuljum u b’ mod speċjali aħna u nesperjenzaw il-mumenti l-aktar importanti ta’ ħajjitna. B’ dan il-mod, il-preżenza ta’ Ġesu fl-Ewkaristija ttina l-qawwa biex ngħixu l-missjoni tagħna ta’ nsara.
Sabiex l-eżempju u l-ħajja ta’ Ġesu tkun għalina mudell għal ħajjitna, il-Knisja timmarka s-sena b’ jiem li fihom infakkru mumenti mill-ħajja ta’ Ġesu. Uħud minn dawn il-mumenti jitolbu min-nisrani jiem ta’ preparazzjoni u riflessjoni, tant li l-Knisja fasslet dak li jissejjaħ il-Kalendarju Liturġiku.
Erbgħin jum, bħalma għamel Kristu fid-deżert qabel beda l-missjoni tiegħu. Erbgħin bħall-erbgħin sena fid-deżert li għamel il-poplu Lhudi qabel daħal fl-art imwiegħda. In-nisrani huwa mħeġġeġ jidħol fid-deżert tiegħu, il-post fejn tidħol fik innifsek u fejn tiskopri x' inhu l-essenzjali. U biex tagħmel dan il-Knisja tissuġġerixxi tliet affarijiet: is-sawm, it-talb u l-karita'. Permezz tas-sawm, meta niċċaħdu minn xi ħaġa nitgħallmu napprezzaw dak li għandna, nagħrfu l-limitazzjonijiet tagħna, inkabbru l-kontroll fuqna nfusna u nitgħallmu ngħixu bil-bażiku u l-essenzjal. Minbarra ċ-ċaħda, n-nisrani mħeġġeġ ifittex lil Kristu f' dawk fil-bżonn u jagħmel karita'. Il-Karita' mhux bilfors hi għotja ta' flus, tista' tkun ukoll għotja ta' ħin. Ir-Randan irid ikun ukoll żmien li fih in-nisrani ikabbar ir-relazzjoni ma' Alla permezz tat-talb. Bil-ħarsa tagħna fuq Kristu msallab, in-nisrani jagħraf ta' kuljum kemm hi kbira l-imħabba ta' Alla, u jfittex li jikber fl-imħabba lejn Alla.
Aktar tard il-Knisja irregolarizzat kif u meta jsiru l-Għid u r-Randan. Il-Qari li jsir fir-Randan jiġbor fih il-misteru tas-Salvazzjoni u jurina b' iktar dettall min Hu Ġesu' u kif għandu jkun in-nisrani. Huwa għalhekk li l-ħarsa tan-nisrani waqt r-Randan tmur fuq Kristu msallab anke jekk dan il-misteru rridu narawh fid-dawl tal-għarfien li Kristu rebaħ il-mewt u qam mill-imwiet. Bl-istess dawl tal-qawmien inħarsu ukoll lejn is-slaleb tagħna personali u nhar Sibt il-Għid, ippreparati bis-sawm, t-talb u l-karita', inġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija tagħna. Bħalma darba tgħammidna u ingħaqadna ma' Kristu fil-mewt u l-qawmien, hekk matul ir-Randan nerġgħu nkabbru fina il-ħeġġa li nixbhu lil Kristu.
Bħal Pietru, waqt li l-Liturġija ttina l-ħasil tar-riġlejn, mistednin nidħlu f' intimita' mal-Mulej Ġesu. Iridna nkunu f' xirka, f' għaqda sħiħa ma' ħutna u miegħu. Huwa għalhekk li l-Knisja tistedinna inqattgħu dan il-lejl flimkien ma' Ġesu, quddiem is-sagrament tal-Ewkaristija. F' dan il-lejl fejn id-dixxipli abbandunawh, Hu tana kollox, dak kollu li hu. Bħala sinjal ta' dan, fit-tmiem taċ-ċelebrazzjoni liturġika, jitneżża' l-artal u s-Sagrament jittieħed fl-artal tar-Repożizzjoni. Ħarsitna ddur minn fuq is-salib għal fuq l-Ewkaristija, l-akbar don li ħallielna, l-preżenza reali tiegħu dejjiema u t-tifkira tal-Misteru li niċċelebraw b' mod speċjali f' dawn it-tliet ijiem.
Għal żmien twil, f' dan il-jum ma kienx isir tqarbin. Għaldaqstant wara l-Adorazzjoni tas-salib minflok tibda l-liturġija tal-Ewkaristija, jinġieb is-Sagrament mill-artal tar-Repożizzjoni u jsir t-tqarbin mill-Ħobż ikkonsagrat fil-jum ta' Ħamis ix-Xirka. Il-funzjoni terġa tintemm bis-skiet u l-Knisja tistedinna nibqgħu fis-skiet waqt li nżommu ħarsitna fuq is-Salib ta' Ġesu.
Permezz ta' seba' Qari mill-Bibbja, in-nisrani jifhem aħjar il-pjan ta' Alla għas-Salvazzjoni tal-bniedem. Wara erbgħin jum, il-komunita' nisranija tfaħħar lil Alla permezz tal-Innu tal-Glorja waqt li jinkiser is-skiet bid-daqq tal-Qniepen u l-kant tal-Hallelujah. Kristu tassew qam mill-Imwiet, aħbar li n-nisrani tfawwru bil-ferħ u t-tifħir. Permezz tal-Magħmudija, il-Knisja tistagħna b' membri ġodda li f' dan il-lejl qaddis tal-Għid jissieħbu ma' Kristu li miet u rxoxta. L-insara kollha preżenti, imqanqlin bl-esperjenza tal-Għid, iġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija tagħhom.
F' dan il-lejl l-aktar importanti għan-nisrani, terġa tiġi ċċelebrata l-Ewkaristija, it-tifkira ħajja u reali tal-Misteru tal-Għid. Dan il-ferħ qaddis tal-Għid, jibqa' jidwi għal seba' ġimgħat sħaħ.
F' dan il-jum ġdid - tmint ijiem, il-Knisja ttina x-xhieda tal-Qawmien bir-rakkonti tal-erba' evanġelisti. Tfakkarna ukoll, permezz tal-Qari tal-Atti tal-Appostli, fl-esperjenza tal-Knisja tal-bidu u kif l-esperjenza tal-Qawmien biddlet il-ħajja tal-ewwel komunitajiet insara. Fl-aħħar ta' dan il-jum ġdid, l-insara huma mħeġġa jirriflettu fuq il-Ħniena infinita ta' Alla. Din l-esperjenza tal-Għid, il-Knisja tħeġġiġna ngħixuha b' mod speċjali fis-seba' ġimgħat ta' żmien l-Għid u fil-jum tal-Ħadd, l-ewwel jum tal-ġimgħa, il-Jum li fih Kristu rebaħ il-mewt.