L-Erbgħa

QARI I
Sidi l-Mulej jagħmel għall-popli kollha mejda b’ikel fin u jixxotta d-dmugħ minn fuq kull wiċċ.
Iż 25, 6-10a

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Dakinhar, jagħmel il-Mulej tal-eżerċti
għall-popli kollha fuq din il-muntanja,
mejda b’ikel fin, mejda bi nbejjed ħelwa,
b’laħam imsemmen bil-mudullun, u nbejjed fini.
Hu jċarrat minn fuq din il-muntanja
l-velu li kien jgħatti wiċċ il-popli kollha,
għata li kien jaħbi kollha kemm huma l-ġnus.
Jeqred il-mewt għal dejjem,
jixxotta Sidi l-Mulej id-dmugħ minn fuq kull wiċċ,
u jħassar l-għajb tal-poplu tiegħu minn wiċċ l-art kollha:
għax il-Mulej tkellem.
U dakinhar jgħidu: “Dan hu Alla tagħna:
fih ittamajna li jsalvana;
dan hu l-Mulej li fih ittamajna:
nifirħu u nithennew bis-salvazzjoni tiegħu.
Għax id il-Mulej tinżel fuq din il-muntanja”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 22 (23), 1-3a.3b-4.5.6

R/. (6ċd): Ngħammar f’dar il-Mulej sakemm indum ħaj!

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni;
f’mergħat kollha ħdura jqegħedni.
Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
hemm hu jrejjaqni. R/.

Imexxini fit-triq tas-sewwa minħabba l-isem tiegħu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,
huma jwennsuni. R/.

Int tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.

Miegħi, iva, jimxu t-tieba u l-ħniena
il-jiem kollha ta’ ħajti.
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj! R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ara, il-Mulej ġej biex isalva lill-poplu:
henjin dawk li huma lesti biex jilqgħuh.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ġesù fejjaq ħafna morda u qasam il-ħobż.
Mt 15, 29-37

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù mar ħdejn il-baħar tal-Galilija; tala’ fuq l-għolja u qagħad bilqiegħda hemm. U bdew resqin lejh ġemgħat kbar ta’ nies, li kellhom magħhom zopop, għomja, persuni b’diżabbiltà, imbikkmin, u ħafna oħrajn; qegħduhomlu f’riġlejh, u hu fejjaqhom, hekk li n-nies kollha baqgħu mistagħġba meta raw l-imbikkmin jitkellmu, l-persuni b’diżabbiltà qawwijin u sħaħ, iz-zopop jimxu u l-għomja jaraw; u bdew jagħtu glorja lil Alla ta’ Iżrael.

Ġesù sejjaħ lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Nitħassarhom lil dawn in-nies, għax ġa ilhom tlitt ijiem miegħi u ma għandhom xejn x’jieklu. Ma rridx inħallihom imorru sajmin, li ma jmurx iħosshom ħażin fit-triq”. Qalulu d-dixxipli: “F’deżert bħal dan minn fejn se nġibu ħobż biżżejjed biex inxebbgħu kotra hekk kbira?”. Ġesù staqsiehom: “Xi kemm għandkom ħobż?”. Qalulu: “Sebgħa, u xi ftit ħut żgħir”. Imbagħad qal lin-nies kollha jinxteħtu bilqiegħda fl-art, ħa s-seba’ ħobżiet u l-ħut, radd il-ħajr, qasamhom u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newluhom lin-nies. U kulħadd kiel u xaba’; u ġabru l-bċejjeċ li fadal, sebat iqfief mimlija.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu



Il-Ħamis

QARI I
Jidħol il-poplu ġust li jżomm is-sewwa.
Iż 26, 1-6

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Dakinhar jitkanta dan l-innu fl-art ta’ Ġuda:
“Għandna belt qawwija;
bnielna swar u ħitan għall-ħelsien tagħna.
Iftħu l-bibien,
biex jidħol il-poplu ġust li jżomm is-sewwa.
Il-fehma tiegħu sħiħa fik;
inti ssaħħaħlu s-sliem,
għax fik ittama.
Ittamaw fil-Mulej, għal dejjem,
għax il-Mulej hu l-blata ta’ dejjem.
Lil min kien fl-għoli niżżlu,
il-belt imkabbra niżżilha,
waqqagħha għal isfel, fit-trab xeħitha;
taħt is-saqajn tirtifes,
saqajn il-fqir, ir-rifs tal-imsejknin”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 117 (118), 1 u 8-9.19-21.25-27a

R/. (26a): Imbierek minn ġej f’isem il-Mulej!
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tieba tiegħu!
Aħjar tiskenn fil-Mulej
milli tittama fil-bnedmin.
Aħjar tiskenn fil-Mulej
milli tittama fil-kbarat. R/.

Iftħuli l-bibien tal-ġustizzja;
ħa nidħol minnhom u rrodd ħajr lill-Mulej.
Dan hu bieb il-Mulej;
il-ġusti jidħlu minnu.
Niżżik ħajr talli weġibtni
u kont għalija s-salvazzjoni tiegħi. R/.

Ejja, nitolbuk, Mulej, salvana!
Ejja, nitolbuk, Mulej, agħtina r-riżq!
Imbierek minn ġej f’isem il-Mulej!
Inberkukom minn dar il-Mulej.
Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Iż 55, 6

Hallelujah. R/. Hallelujah
Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh,
sejħulu sakemm hu fil-qrib!
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet.
Mt 7, 21.24-27

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Mhux kull min jgħidli: “Mulej, Mulej”, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet. Għalhekk, kull min jisma’ dan kliemi u jagħmel li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem għaqli li bena daru fuq il-blat. Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, iżda ma ġġarrfitx għax kellha s-sisien tagħha fuq il-blat. Imma kull min jisma’ dan kliemi u ma jagħmilx li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem iblah li bena daru fuq ir-ramel. Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, u ġġarrfet; u kbira kienet il-qerda tagħha!”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu



Qari I
Ġen 3: 9-15.20

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi.

Wara li Adam kiel mis-siġra: Il-Mulej sejjaħlu u qallu: “Fejn int?” U wieġbu: “Għax smajt ħossok fil-ġnien, u billi jien għarwien, bżajt u staħbejt”.

U qallu: “Min qallek li int għarwien? Jaqaw kilt mis-siġra li għidtlek ma tikolx minnha?” U wieġeb Adam: “Il-mara li tajtni miegħi, hi tatni mis-siġra, u jiena kilt”. U l-Mulej Alla qal lill-mara: “X’inhu li għamilt?” U l-mara weġbitu: “Is-serp daħak bija, u kilt”. U l-Mulej Alla qal lis-serp: “Talli għamilt hekk, int tkun l-iżjed misħut fost il-bhejjem kollha u fost l-annimali selvaġġi kollha. Int timxi għal żaqqek u tiekol it-trab għal ħajtek kollha.

Innissel mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u bejn nisilha. Hu jgħaffiġlek rasek u inti tgħattanlu għarqubu”. U lil martu Adam semmieha Eva, għax kienet omm il-ħajjin kollha.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 97: 1-4

R/. Għannu lill-Mulej għanja ġdida, għax għamel l-għeġubijiet!

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
għax għamel l-għeġubijiet.
Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu
u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,
f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
Ftakar fi tjubitu
u fil-fedeltà tiegħu għal dar Israel. R/.

Raw it-truf kollha tal-art
is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
infexxu fil-hena, ifirħu u għannu. R/.

QARI II
Efes 1: 3-6.11-12

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin.

Ħuti: Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li mliena b’kull xorta ta’ barka spiritwali, fis-smewwiet, fi Kristu. Hekk hu għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba; iddestinana li nkunu għalih ulied addottivi permezz ta’ Ġesù Kristu, skont ma għoġob lir-rieda tiegħu għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, li biha mliena fil-Maħbub tiegħu.

Fih aħna wkoll konna magħżula, iddestinati minn qabel, skont il-pjan imfassal minn qabel minn min imexxi kollox skont il-fehma tar-rieda tiegħu, sabiex inkunu għat-tifħir tal-glorja tiegħu, aħna li, sa minn qabel, konna nittamaw fi Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 1: 28

R/. Hallelujah.
Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja,
il-Mulej miegħek, imbierka inti fost in-nisa.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Lq 1: 26-38

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa.

F’dak iż-żmien: L-anġlu Gabrijel kien mibgħut minn Alla f’belt tal-Galilija, jisimhaNazaret, għand xebba mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi, mid-dar ta’ David; u x-xebba kien jisimha Marija. Daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”. Għal dan il-kliem tħawdet, u bdiet titħasseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet tfisser dik it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sa tnissel fi ħdanek u jkollox iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli, u l-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru; u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem”.

Iżda, Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?” Weġibha l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek; u għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jkun jissejjaħ Bin Alla. U ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, hija wkoll nisslet iben fi ħdanha, u dan huwa s-sitt xahar għaliha li kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal; għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”.

Imbagħad qalet Marija: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn ħdejha.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.

Shopping Basket