Kappella tal-Adorazzjoni

Aħna li nagħmlu parti mill-Knisja Kattolika, nemmnu li fl-Ewkaristija Ġesu huwa preżenti. Ħafna nsara matul iż-żminijiet sabu fl-Ewkaristija s-sostenn u l-faraġ ta’ Ġesu’. U kienu ħafna l-insara li huma magħrufa għall-ħin twil li qattgħu quddiem Ġesu Sagramentat. Eżempju ta’ dan kien San Ġorġ Preca li kien iqatta’ siegħat fil-preżenza tal-Ewkaristija, barra li ta’ sikwiet kien idum jiċċelebra l-Ewkaristija għal aktar minn siegħa.

In-Nisrani għandu jħoss il-bżonn tal-Ewkaristija. Hija għalhekk li l-Knisja tħeġġiġna li nqattgħu ftit ħin fil-preżenza ta’ Ġesu fl-Ewkaristija ta’ spiss. Qaddisin kbar fehmu dan tant li bħal Madre Tereża, l-ħin tal-adorazzjoni quddiem is-Sagrament qiesuh bħala l-aktar ħin importanti tal-ġurnata u neċessarju biex ikollok il-qawwa tgħix ta’ nisrani.

Huwa għal dan il-għan, li ħdejn il-Knisja Parrokkjali tagħna, wieħed jista jsib kappella li tkun miftuħa għat-talb, kuljum mit-tmienja ta’ filgħodu sat-tmienja ta’ filgħaxija. Fiha wieħed huwa mħeġġeġ jagħti qima lil Alla u jirringrazzjah ta’ kull m’ għamel magħna. F’ din il-kappella, mħeġġin nitolbu, nikbru fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla u nirriflettu fuq il-ħajja tagħna, waqt li nħallu lil Alla jagħmilna nixbhuh dejjem aktar .