Nilqgħek fil-paġna elettronika tal-Parroċċa Immakulata Kunċizzjoni, l-Ħamrun. Permezz ta' dan is-sit tista’ tinforma ruħek dwar l-attivitajiet u l-inizjattivi tal-Parroċċa u ssib riżorsi oħra sabiex titħeġġeġ u tidħol f’esperjenza ta’ talb u tifħir lil Alla. Marija Immakulata hija l-mudell tad-Dixxiplu l-aktar perfett ta’ Ġesù Kristu. Hi tkompli tidderiġina kif għamlet fit-Tieġ ta’ Kana u tgħidilna: “Agħmlu dak li jgħidilkom Hu”.
Il-paġna elettronika ġiet iddisinjata sabiex tinforma u toffri diversita’ ta’ interess għal persuni f’kull stat tal-ħajja għax fi triqatna lkoll neħtieġu għajnuniet spiritwali. Għalhekk merħba tassew u nittama li ssib mezz kif dak li jidher fiha jgħinek tiżviluppa t-twemmin tiegħek u tagħti glorja lil Alla, l-Għajn ta’ kull ġid.
Nixtieq ukoll li l-paġna elettronika tal-Parroċċa ma tkunx biss għal dan li semmejt, iżda li tmur lilhinn u sservi sabiex min jidħol fiha jagħti kontribut permezz ta’ suġġerimenti siewja li jagħmlu l-inizjattivi pastorali aktar miftuħa b’firxa akbar ta’ kontributuri u ideat ġodda. Dan huwa mitlub minn kull nisrani attiv għat-tixrid tal-Bxara t-Tajba u l-glorja t’Alla.
Nitlob lil Mulej ibierek lilek u jseddaq ix-xewqat tajba tiegħek.
Merħba fis-sit tal-Parroċċa
Immakulata Kunċizzjoni Ħamrun
Fr. Franco Fenech
Kappillan
Mill-ħajja tal-Parroċċa
Bil-festa ta' Pentekoste u t-tmiem taż-żmien tal-Għid, il-Knisja terġa tħeġġiġna ngħixu l-fidi tagħna fin-normalita' tagħna ta' kuljum. Dan tagħmlu billi ttina iż-żmien ta' matul is-sena.
Imqanqlin mill-esperjenza tal-Għid, aħna u nkomplu dan iż-żmien liturġiku, fl-ewwel tlett ġimgħat, il-Knisja tħeġġiġna nirriflettu fuq misteri ewlenin tal-fidi tagħna. Fl-ewwel Ħadd wara Pentekoste, nirriflettu fuq it-Trinita Qaddisa, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu Qaddis. Bħala nsara imsejħin nidħlu f' dan il-misteru li ġie muri lilna minn Ġesu, waqt li nirringrazzjaw lil Alla l-Missier bil-ħeġġa u l-qawwa li jtina l-Ispirtu.
Il-Ħadd ta' wara, nerġgħu lura fiċ-ċenaklu fl-aħħar ikla ta' Ġesu', biex f' intimita miegħu, ninsew d-dieqa tat-tradiment tad-dixxipli u nirriflettu fuq ir-rigal tal-Preżenza reali ta' Kristu fl-Ewkaristija. Il-Ġimgħa ta' wara, ibbażata fuq devozzjoni popolari nisranija, nidħlu fil-fond tal-Qalb Ħanina ta' Ġesu', qalb li msejħin nimitawha.
Ikompli ż-żmien ta' Matul is-Sena
keyboard_arrow_rightkeyboard_arrow_leftMill-ħajja tal-Parroċċa
Il-Festa tal-Għid il-Kbir hija l-akbar festa tal-Knisja. Il-Qawmien mill-imwiet ta' Ġesu hija l-unika raġuni li għalija l-Knisja teżisti. Kieku Kristu ma qamx mill-imwiet, il-fidi tagħna hija inutli. Huwa għalhekk li l-Knisja tagħmel ġimgħa sħiħa tiċċelebra l-Għid il-Kbir, u ħamsin jum tiċċelebra l-Qawmien ta' Kristu.
Żmien il-Għid jintemm bil-festa ta' Pentekoste, it-tifkira ta' meta l-Ispirtu s-Santu niżel fuq t-tnax, li mogħnija bid-doni ta' Alla ħarġu jipprietkaw. L-istess Spirtu ta' Alla jmexxi lilna llum, il-Knisja tiegħu, biex nxandru l-Kelma tiegħu u nwassluH lid-dinja ta' madwarna. Għalkemm liturġikament l-Għid jispiċċa b' Pentekoste, aħna nibqgħu niċċelebraw b' mod speċjali l-Qawmien tal-Mulej Ġesu kull nhar ta' Ħadd filwaqt li f' kull jum ta' ħajjitna bħala nsara nipprovaw ngħixu dan il-Misteru.
Jintemm żmien il-Għid
keyboard_arrow_rightkeyboard_arrow_leftMill-ħajja tal-Parroċċa
Il-Knisja tagħna saret parroċċa fl-1 ta' Jannar tal-1968. Kien l-Arċisqof ta' Malta, l-E.T. Mikiel Gonzi li filwaqt li għaraf l-ġid spiritwali li kien qed isir, iddeċida li b' digriet jagħmel Parroċċa lill-Knisja tagħna u jaħtar lil Dun Ġużepp Mifsud Bonnici bħala l-ewwel Kappillan tal-Parroċċa.
Minbarra ċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika li saret fl-ewwel tas-sena, b' kollaborazzjoni mal-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni, sar kunċert li jfakkar dan l-avveniment, nhar is-Sibt 21 ta' Jannar, fis-7:15pm, fil-Knisja Parrokkjali.
Agħfas għal iktar informazzjoni
Il-Parroċċa tfakkar il-55 sena mit-twaqqif
keyboard_arrow_rightkeyboard_arrow_left