Qari tal-Ġimgħa tar-Raba’ Ġimgħa tal-Għid

QARI I
Il-wegħda li Alla kien għamel temmha għalina billi qajjem lil Ġesù mill-imwiet.
Atti 13:26-33

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, huwa u jitkellem fis-sinagoga ta’ Antjokja ta’ Pisidja, Pawlu qal: “Ħuti, ulied Abraham, u intom mill-ġnus li tibżgħu minn Alla, lilna bagħatha Alla l-aħbar ta’ din is-salvazzjoni. In-nies ta’ Ġerusalemm u l-kapijiet tagħhom ma għarfux lil Ġesù, u anqas ma fehmu kliem il-profeti li jinqraw kull nhar ta’ Sibt; madankollu temmewhom huma stess billi kkundannawh għall-mewt. Għalkemm ma sabux fuqiex setgħu jagħtuh il-mewt, talbu lil Pilatu biex ineħħilu ħajtu.

U meta temmew dak kollu li kien miktub fuqu, niżżluh mis-salib u qegħduh f’qabar. Imma Alla qajmu mill-imwiet. Għal ħafna jiem baqa’ jidher lil dawk li kienu jitilgħu miegħu mill-Galilija lejn Ġerusalemm, u li issa huma xhieda tiegħu quddiem il-poplu. U għalhekk aħna qegħdin hawn, biex nagħtukom l-aħbar, li l-wegħda, li Alla kien għamel lil missirijietna, temmha għalina, li aħna wliedhom, billi qajjem lil Ġesù mill-imwiet, kif hemm miktub fit-tieni salm: ‘Ibni int, jien illum nissiltek’”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 2:6-7,8-9,10-11

R/. (7): Ibni int, jien illum nissiltek.
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

“Jien għamiltu s-sultan tiegħi,
fuq Sijon, l-għolja mqaddsa tiegħi”.
Irrid inxandar id-digriet tal-Mulej;
hu qalli: “Ibni int, jien illum nissiltek. R/.

Itlobni, u l-ġnus nagħtik b’wirtek,
u truf l-art bi priża tiegħek.
B’virġa tal-ħadid int tkissirhom,
bħal ġarra tal-fuħħar frak tagħmilhom”. R/.

U issa, slaten, ifhmu sewwa;
twiddbu, intom li taħkmu l-art.
Aqdu lill-Mulej bil-biża’,
u bir-rogħda riġlejh busu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 14:6

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, jgħid il-Mulej.
Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja.
Ġw 14:1-6

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet. Li ma kienx hekk, kont ngħidilkom: ‘Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu’? U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll. U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha”. Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?”. Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.



Qari tas-Sibt tar-Raba’ Ġimgħa tal-Għid

QARI I
Aħna se nduru fuq il-pagani.
Atti 13:44-52

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Is-Sibt ta’ wara, tista’ tgħid il-belt ta’ Antjokja kollha nġabret biex tisma’ l-kelma tal-Mulej. Il-Lhud, meta raw il-folol, imtlew bl-għira u bdew imieru lil Pawlu u jidgħulu. Imma Pawlu u Barnaba bil-kuraġġ kollu qalu: “Hekk kien meħtieġ, li l-kelma ta’ Alla titħabbar lilkom l-ewwel. Billi intom qegħdin twarrbuha, u jidhrilkom li ma tistħoqqilkomx il-ħajja ta’ dejjem, aħna se nduru fuq il-pagani. Għax hekk ordnalna l-Mulej: ‘Jien għamiltek dawl tal-ġnus, biex twassal is-salvazzjoni sa truf l-art’”.

Il-pagani, meta semgħu dan, bdew jifirħu u jigglorifikaw il-kelma tal-Mulej, u dawk kollha li kienu magħżula għall-ħajja ta’ dejjem emmnu. Hekk il-Kelma tal-Mulej baqgħet tixtered mal-art kollha. Imma l-Lhud xewxu n-nisa twajba u magħrufa u wkoll il-kbarat tal-belt, u qajmu persekuzzjoni kontra Pawlu u Barnaba u keċċewhom ’il barra minn arthom. Huma farfru għal fuqhom it-trab minn ma’ riġlejhom u marru Ikonju. Iżda d-dixxipli mtlew bil-ferħ u bl-Ispirtu s-Santu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 97(98):1,2-3ab,3ċd-4

R/. (3ċd): L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,
rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.
Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,
u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,
f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
Ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu
mal-poplu ta’ Iżrael. R/.

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,
rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 8:31b-32

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi,
tkunu tassew dixxipli tiegħi, jgħid il-Mulej, u tagħrfu l-verità.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Min ra lili ra lill-Missier.
Ġw 14:7-14

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kieku għaraftu lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri. Minn issa ’l quddiem tagħrfuh, anzi diġà rajtuh”. Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina”. Ġesù wieġeb: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli: ‘Urina l-Missier’? Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu. Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija. Jekk mhux għal ħaġ’oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess.

Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier. U jekk titolbu xi ħaġa f’ismi jiena nagħmilha, biex il-Missier ikun igglorifikat permezz ta’ Ibnu. Iva, jekk titolbuni xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.



Qari tal-Ħames Ħadd tal-Għid

QARI I
Qalilhom kif Sawl ra lill-Mulej fit-triq.
Atti 9, 26-31

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, meta Sawl wasal Ġerusalemm beda jfittex li jissieħeb mad-dixxipli. Imma lkoll kienu jib!għu minnu, għax ma kinux emmnu li tassew ikkonverta. Imbagħad Barnaba qabdu u ħadu miegħu għand l-appostli. Hu qalilhom kif Sawl kien ra lill-Mulej fit-triq u semgħu jkellmu, u kif f’Damasku kien tkellem b’wiċċu minn quddiem fl-isem ta’ Ġesù.

Għalhekk Sawl baqa’ magħhom, dieħel u ħiereġ Ġerusalemm, u kien jitkellem bil-miftuħ f’isem il-Mulej. Kien jitħaddet mal-Lhud Griegi u jiddiskuti magħhom; iżda huma kienu jfittxu li joqtluh.

Meta l-aħwa saru jafu b’dan, niżżluh lejn Ċesarija u bagħtuh Tarsu. Il-Knisja kienet fis-sliem fil-Lhudija u l-Galilija u s-Samarija kollha; kienet dejjem tikber u timxi ’l quddiem bil-biża’ tal-Mulej, u tiżdied fl-għadd bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 21 (22), 26b-27.28.30.31-32

R/. 26 (a): Mulej, nagħtik it-tifħir tiegħi f’ġemgħa kbira

jew

R/. Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah

Irrodd il-wegħdiet tiegħi
quddiem dawk li jibżgħu minnu.
Jieklu l-fqajrin u jixbgħu;
ifaħħru l-Mulej dawk li jfittxuh.
Ħa tgħix qalbhom għal dejjem! R/.

Jiftakru t-truf kollha tal-art,
u jerġgħu lura lejn il-Mulej;
u quddiemu jinxteħtu r-razez kollha tal-ġnus.
Lilu jqimu l-bnedmin, li jmutu;
quddiemu jmil kull min nieżel ġot-trab.
U għalih tgħix ruħi. R/.

Lilu jaqdi n-nisel tiegħi.
Ixandru ’l Sidi lin-nisel li għad jiġi,
ixandru l-ġustizzja tiegħu
lill-poplu li għad jitwieled:
“Dan għamlu l-Mulej!” R/.

QARI II
Dan hu l-kmandament tiegħu, li nemmnu u nħobbu.
1 Ġw 3, 18-24

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

Uliedi, ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u bis-sewwa. Minn dan naslu li nagħrfu li aħna fil-verità, u quddiem Alla nserrħu l-kuxjenza tagħna, jekk il-kuxjenza ċċanfarna, għax Alla hu aqwa mill-kuxjenza tagħna, u hu jaf kollox.

Għeżież, jekk il-kuxjenza tagħna ma ċċanfarniex, aħna qalbna qawwija quddiem Alla, u kull ma nitolbu naqilgħuh mingħandu, għax qegħdin inżommu l-kmandamenti tiegħu u nagħmlu dak li jogħġob lilu.

Dan hu l-kmandament tiegħu: li nemmnu fl-isem ta’ Ibnu Ġesù Kristu, u nħobbu ’l xulxin, kif wissiena hu. Min iżomm il-kmandamenti tiegħu jgħammar f’Alla u Alla fih. B’hekk nagħrfu li hu jgħammar fina: bl-Ispirtu li hu tana.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 15, 4a.5b

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom, jgħid il-Mulej;
min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott.
Ġw 15, 1-8

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar. Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għedtilkom.

Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija. Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef; imbagħad, friegħi bħal dawn jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u jinħarqu.

Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kull ma tridu, u jingħatalkom. Din hi l-glorja ta’ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Shopping Basket