Qari tal-Erbgħa tal-Ġimgħa Mqaddsa

QARI I
Ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq.
Iż 50:4-9a

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Sidi l-Mulej tani lsien ta’ wieħed jitgħallem,
biex nagħraf ngħin lill-għajjien b’xi kelma.
Ta’ kull filgħodu jqajjimli ’l widinti,
biex nisma’ bħal wieħed jitgħallem.
Sidi l-Mulej fetaħli widinti,
u jiena ma webbistx rasi,
ma rġajtx lura.
Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni,
ħaddejja lil dawk li kienu jnittfuli lħiti;
ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq.
Sidi l-Mulej jgħinni,
għalhekk ma nitħawwadx;
għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied:
jien naf li ma jkollix mniex nistħi.
Dak li jagħmel ġustizzja miegħi jinsab fil-qrib.
Min se jeħodha miegħi? Ħa noqogħdu għall-ħaqq flimkien!
Min hu kontrija? Ħa jersaq lejja!
Ara, Sidi l-Mulej jgħinni:
min se jagħtini t-tort?

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 68(69):8-10,21bċd-22,31,33-34

R/. (14ċ u b): O Alla, fil-kobor ta’ tjubitek, weġibni.

Għax minħabba fik qiegħed nilqa’ t-tmaqdir,
u l-mistħija tiksili wiċċi.
Sirt barrani għal ħuti;
ulied ommi ma jagħrfunix.
Għax il-ħeġġa għal darek fnietni,
it-tagħjir ta’ min jgħajjar lilek waqa’ fuqi. R/.

It-tagħjir qasamli qalbi u fnieni;
fittixt min jagħdirni, u ma sibt ’il ħadd;
u min ifarraġni, u ma kelli ’l ħadd.
Tawni b’ikel il-velenu;
sqewni l-ħall meta kont bil-għatx. R/.

Infaħħar l-isem ta’ Alla bl-għana,
inkabbru b’għana ta’ radd il-ħajr.
Hekk jaraw l-imsejkna u jifirħu;
u tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.
Għax jisma’ l-fqajrin il-Mulej,
ma jistmellx l-imjassrin tiegħu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Is-sliem għalik, Sultan tagħna,
int biss ħennejt għalina fl-iżbalji tagħna.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

jew:

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Is-sliem għalik, Sultan tagħna,
li qgħadt għar-rieda ta’ Missierek:
ħaduk biex isallbuk,
bħal ħaruf ġwejjed għall-qatla.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
Bin il-bniedem imur kif hemm miktub fuqu, imma ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f’idejn l-għedewwa!
Mt 26:14-25

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, wieħed mit-Tnax, jismu Ġuda l-Iskarjota, mar għand il-qassisin il-kbar u qalilhom: “Xi tridu tagħtuni u jiena nagħtikom lil Ġesù f’idejkom?”. U huma tawh tletin biċċa tal-fidda bħala ħlas. Minn dak il-ħin beda jfittex okkażjoni tajba biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom.

Fl-ewwel jum tal-Ażżmi d-dixxipli resqu lejn Ġesù u qalulu: “Fejn tridna nħejjulek l-ikla tal-Għid?”. U hu qalilhom: “Morru l-belt għand it-tali, u għidulu: ‘Qallek l-Imgħallem: Is-siegħa tiegħi waslet; jien se nagħmel l-ikla tal-Għid għandek mad-dixxipli tiegħi’”.

Id-dixxipli għamlu kif ordnalhom Ġesù u ħejjew l-ikla tal-Għid. Għall-ħin ta’ filgħaxija qagħad fuq il-mejda flimkien mat-Tnax, u waqt l-ikel qal: “Tassew ngħidilkom, li wieħed minnkom se jittradini”. Huma bdew isewdu qalbhom ħafna u kull wieħed minnhom beda jsaqsih: “Jaqaw jien, Mulej?”. U Ġesù weġibhom: “Dak li jmidd idu u jbill il-ħobż fi platt wieħed miegħi, dak li se jittradini. Bin il-bniedem imur kif hemm miktub fuqu, imma ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f’idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn!”. Qabeż Ġuda, dak li ttradieh, u qallu: “Jaqaw jien, Rabbi?”. Wieġbu Ġesù: “Int qiegħed tgħidu”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.



Qari ta’ Ħamis ix-Xirka

Ħamis ix-Xirka
Il-Quddiesa tal-Griżma

QARI I
Il-Mulej ikkonsagrani b’żejt ta’ ferħ.
Iż 61:1-3a,6a,8b,9

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

L-Ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi,
għax il-Mulej ikkonsagrani,
biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
bagħatni ndewwi l-qalb miksura;
biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs;
biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej,
u jum il-vendetta ta’ Alla tagħna;
biex infarraġ lill-imnikktin;
biex inferraħ lil dawk li jibku f’Sijon,
nagħtihom kuruna flok irmied,
żejt tal-ferħ flok l-ilbies tal-vistu,
l-għana tal-foħrija flok ruħ mitluqa.
Lilkom isejħulkom il-qassisin tal-Mulej,
qaddejja ta’ Alla tagħna jsemmukom.
Jien bis-sewwa nħallashom,
u nagħmel magħhom patt għal dejjem.
Nisilhom ikun magħruf fost il-ġnus,
u wliedhom qalb il-popli.
Kull min jarahom jagħrafhom
li huma nisel imbierek mill-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 88(89):21-22,25,27

R/. (2a): It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni.

Sibt lil David, qaddej tiegħi,
biż-żejt imqaddes tiegħi dliktu;
tkun idi dejjem miegħu,
u nsaħħu wkoll bi driegħi. R/.

Miegħu jkunu l-fedeltà u t-tjieba tiegħi;
b’ismi tissaħħaħ il-qawwa tiegħu.
Hu jsejjaħli: “Int missieri u Alla tiegħi,
fortizza u salvazzjoni tiegħi!”. R/.

QARI II
Kristu għamilna saltna, qassisin għal Alla tiegħu u Missieru.
Apok 1:5-8

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

Grazzja lilkom u sliem mingħand Ġesù Kristu, ix-xhud fidil, il-kbir fost il-mejtin, il-prinċep tas-slaten tad-dinja. Lil Dak li ħabbna, u li ħallna minn dnubietna, bis-saħħa ta’ demmu, u li għamilna saltna, qassisin għal Alla tiegħu u Missieru, lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem. Amen. Arawh ġej fis-sħab u l-għajnejn kollha jarawh, ukoll dawk li kienu nifduh; u r-razez kollha tal-art jibdew iħabbtu fuq sidirhom minħabba fih. Iva. Amen! Jiena huwa l-Alfa u l-Omega, jgħid il-Mulej Alla, li hu, u li kien, u li għad irid jiġi, Dak li jista’ kollox.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Iż 61:1

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani.
Lq 4:16-21

Qari mill-Evanġelju skond San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù ġie f’Nazaret, fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Iżaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:
“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani.
Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
irrodd il-ħelsien lill-maħqurin
u nxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej”.

Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Ħamis ix-Xirka
Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej

QARI I
Preċetti dwar l-ikla tal-Għid.
Eż 12:1-8,11-14

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

Il-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron fl-art tal-Eġittu, u qalilhom: “Dan ix-xahar ikun għalikom l-ewwel fost ix-xhur, ikunilkom l-ewwel xahar tas-sena. Kellem lill-ġemgħa kollha ta’ Iżrael, u għidilhom: ‘Fl-għaxra ta’ dan ix-xahar kull wieħed minnkom jieħu ħaruf kull familja, wieħed kull dar. Jekk il-familja tkun żgħira wisq biex tikluh kollu, wieħed jieħu l-ħaruf flimkien mal-ġar tiegħu, l-eqreb lejn daru, skond in-numru tan-nies; skond kemm kull wieħed jiflaħ jiekol, hekk tqisuh il-ħaruf.

Il-ħaruf ikun bla difett, raġel, ta’ dik is-sena. Tistgħu tieħdu min-nagħaġ jew mill-mogħoż. Intom iżżommuh sal-erbatax ta’ dax-xahar, meta l-ġemgħa kollha ta’ dar Iżrael toqtlu bejn inżul ix-xemx u d-dlam. Imbagħad jieħdu mid-demm tiegħu, u jroxxuh fuq il-ġnub u l-blata tal-bibien tad-djar fejn ikunu se jikluh. F’dik il-lejla għandhom jieklu l-laħam mixwi, b’ħobż bla ħmira, u b’ħaxix morr. U tikluh hekk: qaddejkom imħażżma, bil-qorq f’riġlejkom u l-ħatar f‘idejkom; u tikluh bl-għaġla. Din hi l-mogħdija tal-Mulej! Għax dak il-lejl jiena ngħaddi mill-art tal-Eġittu u nidrob lil kull min hu l-ewwel fost l-imwelldin fl-art tal-Eġittu, bnedmin u bhejjem, u nagħmel ħaqq mill-allat kollha tal-Eġittu: Jien, Jaħweh!

Id-demm ikun bħala sinjal tagħkom fuq id-djar fejn tkunu, u jien xħin nara d-demm nibqa’ għaddej, u ebda marda ma tiġi teqridkom meta jien nidrob l-art tal-Eġittu. Dak il-jum ikun għalikom jum ta’ tifkira, u intom tħarsuh bħala festa tal-Mulej; iżżommu din l-osservanza bħala liġi għaż-żminijiet kollha li ġejjin’”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 115(116):12-13,15-16bċ,17-18

R/. Il-kalċi mbierek huwa xirka mad-demm ta’ Kristu.

Xi rrodd lill-Mulej
għall-ġid kollu li għamel miegħi?
Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni,
u isem il-Mulej insejjaħ. R/.

Għażiża f’għajnejn il-Mulej
hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.
Jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.
Int ħallejtli l-irbit tiegħi. R/.

Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,
u isem il-Mulej insejjaħ.
Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,
quddiem il-poplu tiegħu kollu. R/.

QARI II
Kull meta tieklu u tixorbu, ixxandru l-mewt tal-Mulej.
1 Kor 11:23-26

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, jien irċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom, jiġifieri, li l-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż u wara li radd il-ħajr qasmu u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi”.

Hekk ukoll għamel bil-kalċi, wara li kiel, qal: “Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b’demmi; agħmlu dan kull meta tixorbu, b’tifkira tiegħi”.

Mela kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Ġw 13:34

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Nagħtikom kmandament ġdid,
jgħid il-Mulej:
li tħobbu lil xulxin, bħalma ħabbejtkom jien.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
Ħabbhom għall-aħħar.
Ġw 13:1-15

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

Qabel il-festa tal-Għid, billi kien jaf Ġesù li waslet is-siegħa tiegħu biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar.

Kienu qegħdin għall-ikel. Ix-Xitan kien ġa webbel lil Ġuda ta’ Xmun l-Iskarjota u daħħallu f’rasu li jittradih. Ġesù kien jaf li l-Missier tah kollox f’idejh, u li hu kien ġie mingħand Alla u kien sejjer għand Alla. Qam minn fuq il-mejda, neħħa l-mantar minn fuqu, ħa fardal u rabtu ma’ qaddu. Imbagħad ferra’ l-ilma fil-lenbija, u beda jaħsel saqajn id-dixxipli u jixxuttahomlhom bil-fardal li kellu ma’ qaddu.

Mela wasal fuq Xmun Pietru, u dan qallu: “Int, Mulej, taħsilli saqajja?”. Ġesù wieġbu: “Int għalissa ma tafx x’qiegħed nagħmel jien; tifhmu aktar ’il quddiem”. Qallu Pietru: “Ma jkun qatt li inti taħsilli saqajja!”. Wieġbu Ġesù: “Jekk ma naħsillekx saqajk, ma jkollokx x’taqsam miegħi”. Qallu Xmun Pietru: “Mulej, mhux saqajja biss, imma jdejja u rasi wkoll”. Qallu Ġesù: “Min hu maħsul, ma għandux għalfejn jinħasel kollu, ħlief saqajh, għax hu kollu kemm hu nadif, u intom indaf, imma mhux ilkoll”. Għax hu kien jaf min kien sejjer jittradih; għalhekk qal: “M’intomx ilkoll indaf”.

Wara li ħaslilhom saqajhom, libes il-mantar u raġa’ qagħad fuq il-mejda; u qalilhom: “Tafu x’għamiltilkom? Intom issejħuli l-Imgħallem u l-Mulej, u tgħidu sewwa, għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin. Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.



Qari tal-Ġimgħa l-Kbira

Tifkira Solenni tal-Passjoni tal-Mulej

QARI I
Kien miġruħ minħabba fi dnubietna.
Iż 52:13–53:12

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Araw! Il-qaddej tiegħi jsib ir-risq,
jintrefa’, jogħla u jkun ’il fuq minn kulħadd.
Bħalma ħafna ndiehxu minnu,
– għax wiċċu tħassar, donnu ma kienx bniedem,
u s-sura tiegħu ma kontx tqisha ta’ bniedem –
hekk għad jistagħġbu ħafna ġnus minħabba fih.
Quddiemu s-slaten jagħlqu ħalqhom,
għax għad jaraw ġrajja li qatt ma ssemmiet,
u jifhmu dak li qatt ma semgħu bih.
Min kien jemmen dak li smajna,
u f’min intwera driegħ il-Mulej?
Bħal xitla kiber quddiemna,
u bħal għerq minn art niexfa.
Ebda sura ma kellu,
u ebda ġmiel biex inħarsu lejh,
jew xi sura biex nitgħaxxqu bih.
Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin,
bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard,
bħal wieħed li n-nies jaħbu wiċċhom minnu,
bniedem imżeblaħ, u aħna xejn ma qisnieh.
Iżda hu rafa’ fuqu l-mard tagħna,
tgħabba bin-niket tagħna.
Aħna ħsibnieh bħal wieħed ikkastigat,
mitluq minn Alla u miġjub fix-xejn.
Iżda hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna,
misħuq minħabba fi ħżunitna.
Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu,
u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna.
Aħna lkoll bħal nagħaġ mitlufa,
kull wieħed minna qabad triq għal rasu.
U l-Mulej xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll.
Ħaqruh, u hu qagħad għalihom bla biss ma fetaħ fommu;
bħal ħaruf meħud għall-qatla,
u bħal nagħġa mbikkma f’id min iġiżżha,
ma fetaħx fommu.
Bil-forza u l-ħaqq neħħewh;
u min qagħad jaħseb fuq xortih?
Iva, qaċċtuh mill-art tal-ħajjin,
minħabba fi dnub il-poplu tiegħi kien midrub.
U tawh qabar mal-ħżiena,
u mal-għonja difnuh,
għalkemm ma għamel ebda deni,
u minn fommu ma ħareġ ebda qerq.
Iżda l-Mulej għoġbu jgħakksu bil-mard.
Talli joffri ruħu b’sagrifiċċju ta’ riparazzjoni,
huwa għad jara nisel u jtawwal jiemu;
u r-rieda tal-Mulej isseħħ bih.
Wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl,
jixba’ bit-tagħrif tiegħu.
Il-Ġust jiġġustifika lill-qaddej tiegħu quddiem il-kotra,
u l-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu.
Għalhekk nagħtih il-kotra b’sehmu,
u jkollu sehem fil-priża mal-qalbenin,
għaliex hu offra ruħu għall-mewt,
u kien magħdud mal-midinbin.
Hu li neħħa l-ħtijiet tal-kotra,
u ndaħal għall-midinbin.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 30(31):2,6,12-13,15-16,17,25

R/. (Lq 23, 46): Missier, nerħi ruħi f’idejk.

Fik, Mulej, jien nistkenn;
ma jkolli qatt għax nirgħex.
Fil-ġustizzja tiegħek salvani.
F’idejk jien nerħi ruħi;
int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. R/.

Minħabba l-għedewwa tiegħi kollha,
jien sirt ħaġa ta’ min ikasbarha;
jitwerwru l-ġirien tiegħi,
u min jafni jibża’ minni.
Dawk li jarawni barra jaħarbu minni.
Insewni bħal wieħed mejjet,
sirt bħal ġarra mkissra. R/.

Imma jien fik nittama, Mulej;
jien ngħidlek: “Alla tiegħi int!
F’idejk hi xortija”.
Eħlisni minn id l-għedewwa,
minn id dawk li jeħduha kontrija. R/.

Uri d-dawl ta’ wiċċek lill-qaddej tiegħek;
fit-tjieba tiegħek eħlisni.
Issaħħu u qawwu qalbkom,
intom ilkoll li tittamaw fil-Mulej. R/.

QARI II
Kristu, awtur tas-salvazzjoni għal kull min jisma’ minnu.
Lhud 4:14-16; 5:7-9

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, meta aħna għandna l-qassis il-kbir, li hu tassew kbir, qassis li daħal fis-smewwiet, Ġesù, Bin Alla, ħa nżommu sħiħa l-fidi tagħna u nistqarruha. Għax aħna ma għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder id-dgħufija tagħna, imma għandna wieħed li kien imġarrab bħalna f’kollox, minbarra d-dnub.

Ħa nersqu, mela, b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu f’waqtha l-grazzja li neħtieġu.

Meta kien jgħix fuq din l-art, Kristu offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta’ jsalvah mill-mewt. U kien mismugħ minħabba fil-qima tiegħu lejn Alla. Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza. U, billi laħaq il-perfezzjoni, sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem għal kull min jisma’ minnu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Fil 2:8-9

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Minħabba fina Kristu obda sal-mewt,
anzi sal-mewt tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet,
u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
Il-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Ġw 18:1–19:42

Il-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu skond San Ġwann

K F’dak iż-żmien, Ġesù ħareġ mad-dixxipli tiegħu u qasam għan-naħa l-oħra tal-Wied ta’ Kedron; hemmhekk kien hemm ġnien, u daħal fih mad-dixxipli tiegħu. Ġuda, dak li ttradieh, kien jafu l-post, għax Ġesù kien sikwit jinġabar hemm mad-dixxipli tiegħu. Ġuda ħa ġemgħa suldati u xi għases mingħand il-qassisin il-kbar u l-Fariżej, u mar bihom hemmhekk, bil-fanali, torċi u armi. Ġesù, li kien jaf b’kulma kien ġej fuqu, mar fuqhom u qalilhom:

“Lil min qegħdin tfittxu?”.

K Huma weġbuh:

S “Lil Ġesù ta’ Nazaret”.

K U hu qalilhom:

“Jiena hu”.

K Ġuda, dak li ttradieh, kien hemm magħhom huwa wkoll. Kif Ġesù qalilhom: “Jiena hu”, huma resqu lura u waqgħu mal-art.

“Lil min qegħdin tfittxu?”.

K Raġa’ staqsiehom. U huma qalulu:

S “Lil Ġesù ta’ Nazaret”.

K Ġesù weġibhom:

“Għedtilkom li jiena hu. Jekk qegħdin tfittxu lili, ħallu lil dawn imorru”.

K Dan sar biex iseħħ dak li Ġesù kien qal: “Minn dawk li tajtni, anqas wieħed biss ma tlift”. Xmun Pietru kellu sejf, siltu, u darab lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu barra widintu l-leminija. Dan il-qaddej kien jismu Malku. Imma Ġesù qal lil Pietru:

“Erġa’ daħħal is-sejf fl-għant tiegħu. Forsi l-kalċi li tani Missieri ma nixorbux?”.

K Imbagħad is-suldati u l-kaptan tagħhom flimkien mal-għases tal-Lhud, qabdu lil Ġesù u rabtuh. L-ewwel ħaduh għand Anna, billi dan kien missier il-mara ta’ Kajfa, il-qassis il-kbir f’dik is-sena. Kajfa kien dak li ta parir lil-Lhud: “Ikun jaqbel li bniedem wieħed imut għall-poplu”.

Xmun Pietru u dixxiplu ieħor marru wara Ġesù. Dan id-dixxiplu kien midħla tal-qassis il-kbir, u għalhekk daħal fil-bitħa tal-qassis il-kbir flimkien ma’ Ġesù. Imma Pietru baqa’ barra ħdejn il-bieb. Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien midħla tal-qassis il-kbir, ħareġ ikellem lill-purtinara, u daħħal lil Pietru ġewwa. Il-qaddejja li kienet mal-bieb qalet lil Pietru:

S “Int m’intix ukoll wieħed mid-dixxipli ta’ dan ir-raġel?”.

K Hu weġibha:

S “Le, m’iniex”.

K Il-qaddejja u l-għases kienu kebbsu n-nar mill-faħam, għax kien il-bard, u qagħdu hemm għas-sħana. U Pietru wkoll qagħad magħhom għas-sħana. Il-qassis il-kbir staqsa lil Ġesù fuq id-dixxipli u t-tagħlim tiegħu. Ġesù wieġbu:

“Jiena tħadditt fil-beraħ, quddiem kulħadd. Għallimt dejjem fis-sinagoga u fit-Tempju fejn jinġabru l-Lhud kollha, u bil-moħbi ma għedt xejn. Għalfejn qiegħed tistaqsi lili? Staqsi lil dawk li semgħuni, x’għedtilhom. Huma jafu x’għedt”.

K Kif qal hekk, wieħed mill-għases li kien ħdejh ta daqqa ta’ ħarta lil Ġesù u qallu:

S “Hekk twieġbu lill-qassis il-kbir?”.

K Ġesù qallu:

“Jekk jien għedt xi ħaġa mhix sewwa, urini fejn; imma jekk għedt is-sewwa, għaliex terfa’ jdejk fuqi?”.

K Imbagħad Anna bagħat lil Ġesù marbut għand Kajfa, il-qassis il-kbir. Xmun Pietru mela kien qiegħed hemm għas-sħana; u qalulu:

S “Int m’intix ukoll wieħed mid-dixxipli tiegħu?”.

K Imma hu ċaħad u qal:

S “Le m’iniex”.

K Wieħed mill-qaddejja tal-qassis il-kbir, li kien jiġi minn dak ir-raġel li Pietru kien qatagħlu widintu, qal:

S “Mela jiena ma rajtekx miegħu fil-ġnien?”.

K Pietru ċaħad għal darb’oħra; u minnufih idden is-serduk. Imbagħad ħadu lil Ġesù mingħand Kajfa għall-Pretorju. Kien filgħodu kmieni. Huma ma daħlux fil-Pretorju, għax ma ridux jitniġġsu, biex ikunu jistgħu jagħmlu l-ikla tal-Għid. Pilatu ħareġ barra ħdejhom u qalilhom:

S “X’akkuża għandkom kontra dan ir-raġel?”.

K U huma weġbuh:

S “Li kieku dan ma kienx raġel ħażin aħna ma konniex nagħtuh f’idejk”.

K Pilatu qalilhom:

S “Ħuduh intom, u ġġudikawh intom skond il-liġi tagħkom”.

K Imma l-Lhud qalulu:

S “Aħna ma għandna setgħa noqtlu lil ħadd”.

K Dan ġara biex iseħħ dak li Ġesù kien qal meta fisser kif kellu jmut. Pilatu raġa’ daħal fil-Pretorju, sejjaħ lil Ġesù u qallu:

S “Inti s-sultan tal-Lhud?”.

K Ġesù wieġeb:

“Dan qiegħed tgħidu int minn moħħok? Jew kienu oħrajn li qalulek dan fuqi?”.

K Pilatu wieġeb:

S “Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja. X’għamilt?”.

K Ġesù wieġeb:

“Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhijiex ta’ hawn”.

K Pilatu qallu:

S “Mela int sultan?”.

K U Ġesù wieġeb:

“Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni”.

K Pilatu qallu:

S “U l-verità x’inhi?”.

K Kif qal dan, raġa’ ħareġ quddiem il-Lhud u qalilhom:

S “Jiena ma nsib ebda ħtija fih. Issa intom għandkom id-drawwa li neħilsilkom wieħed fil-Għid. Tridunix neħilsilkom lis-sultan tal-Lhud?”.

K Hawn huma mill-ġdid bdew jgħajtu u jgħidu:

S “Mhux lil dan, imma lil Barabba”.

K Dan Barabba kien brigant. Imbagħad Pilatu ordna li jieħdu lil Ġesù u jagħtuh is-swat. Is-suldati nisġu kuruna tax-xewk u qegħduhielu fuq rasu, u libbsuh mantar aħmar skur. U bdew ġejjin quddiemu u jgħidulu:

S “Is-sliem għalik, ja sultan tal-Lhud!”.

K U bdew jagħtuh bil-ħarta. Għal darb’oħra Pilatu ħareġ barra jgħidilhom:

S “Araw, se nġibhulkom quddiemkom hawn barra, biex tkunu tafu li jiena ma nsib ebda ħtija fih”.

K U Ġesù ħareġ hemm barra, liebes il-kuruna tax-xewk u l-mantar aħmar; u Pilatu qalilhom:

S “Arawh, hawn hu l-bniedem!”.

K Xħin rawh, il-qassisin il-kbar u l-għases bdew jgħajtu u jgħidu:

S “Sallbu! Sallbu!”.

K Pilatu qalilhom:

S “Ħuduh u sallbuh intom; jien ma nsib ebda ħtija fih”.

K Il-Lhud weġbuh:

S “Aħna għandna liġi, u skond din il-liġi għandu jmut, għax għamel lilu nnifsu Bin Alla”.

K Meta sama’ dan, Pilatu aktar baża’. Raġa’ daħal fil-Pretorju u qal lil Ġesù:

S “Int mnejn int?”.

K Imma Ġesù ma wieġbu xejn. Għalhekk Pilatu qallu:

S “Lili ma tkellimx? Ma tafx li jiena għandi s-setgħa neħilsek u għandi s-setgħa nsallbek?”.

K Ġesù wieġbu:

“Ma kien ikollok ebda setgħa fuqi kieku ma ġietx mogħtija lilek minn fuq; għalhekk min ta lili f’idejk għandu ħtija akbar”.

K Minn dak il-ħin ’il quddiem Pilatu beda jfittex kif jeħilsu; imma l-Lhud issuktaw jgħajtu u jgħidu:

S “Jekk teħles lil dan, tiksirha ma’ Ċesari, għax kull min jagħmel lilu nnifsu sultan ikun qiegħed jeħodha kontra Ċesari”.

K Meta semagħhom jgħidu dan, Pilatu ġieb lil Ġesù barra u qiegħdu fuq sedja għolja, fil-post imsejjaħ Litòstrotos, bil-Lhudi Gabbatà. Kien Jum it-Tħejjija tal-Għid, għall-ħabta tas-sitt siegħa. Pilatu qal lil-Lhud:

S “Arawh is-sultan tagħkom!”.

K Dawk infexxew jgħajtu:

S “Għall-mewt! Għall-mewt! Sallbu!”.

K Pilatu qalilhom:

S “Jien se nsallab lis-sultan tagħkom?”.

K Imma l-qassisin il-kbar weġbuh:

S “Aħna ma għandniex sultan ħlief lil Ċesari!”.

K Fl-aħħar tahulhom f’idejhom biex isallbuh. U huma ħadu lil Ġesù. Ġesù rafa’ s-salib u ħareġ lejn il-post imsejjaħ il-Qorriegħa, bil-Lhudi Golgota. Hemm huma sallbuh ma’ tnejn oħra, wieħed kull naħa, u Ġesù fin-nofs. Pilatu għamel kitba u waħħalha fuq is-salib; fiha kien hemm miktub: “Ġesù ta’ Nazaret, is-sultan tal-Lhud”. Din il-kitba qrawha ħafna Lhud, għax il-post fejn sallbu lil Ġesù kien qrib il-belt, u l-kitba kienet bil-Lhudi, bil-Latin u bil-Grieg. Għalhekk il-qassisin il-kbar tal-Lhud marru jgħidu lil Pilatu:

S “Ma kienx imissek tikteb: ‘Is-sultan tal-Lhud’, imma: ‘Dan qal: Jiena sultan tal-Lhud’”.

K Pilatu wieġeb:

S “Issa li ktibt ktibt!”.

K Wara li sallbu lil Ġesù, is-suldati ħadu l-ilbies tiegħu u qassmuh f’erbgħa, sehem lil kull wieħed minnhom. U ħadu wkoll it-tunika; din kienet libsa bla ħjata, minsuġa biċċa waħda minn fuq s’isfel. Ftiehmu bejniethom u qalu:

“Ma nqattgħuhiex, iżda nitfgħu x-xorti għaliha, u lil min tmiss jeħodha”.

Dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid: “Ħwejġi qasmu bejniethom, u għall-ilbies tiegħi tefgħu x-xorti”. U dan tabilħaqq għamluh is-suldati.

Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu:

“Mara, hawn hu ibnek”.

K Imbagħad qal lid-dixxiplu:

“Hawn hi ommok”.

K U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.

Wara dan, Ġesù, billi issa kien jaf li kollox kien mitmum, biex isseħħ l-Iskrittura qal:

“Għandi l-għatx!”.

K Kien hemm bieqja mimlija bil-ħall; huma xarrbu sponża il-ħall, waħħluha ma’ qasba tal-issopu, u ressquhielu lejn ħalqu. Kif Ġesù ħa l-ħall, qal:

“Kollox hu mitmum!”.

K Imbagħad mejjel rasu u radd ruħu.

Kulħadd jinżel għarkupptejh u jinżamm is-skiet għal ftit ħin.

K Billi kien Jum it-Tħejjija tal-Għid, il-Lhud ma ridux li f’jum is-Sibt l-iġsma jibqgħu fuq is-salib, għax dak is-Sibt kien jum solenni għalihom. Talbu mela lil Pilatu biex jiksrulhom riġlejhom u jneħħu l-iġsma. Għalhekk ġew is-suldati u kisru r-riġlejn tal-ewwel u tat-tieni wieħed li kienu msallbin miegħu. Iżda meta waslu għal Ġesù, billi raw li kien ġa mejjet, ma kisrulux riġlejh. Madankollu wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma. Dan qiegħed jixhdu min ra b’għajnejh, u x-xhieda tiegħu hija minnha. Hu jaf li qiegħed jgħid il-verità, biex intom ukoll temmnu. Għax dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid: “Ebda waħda minn għadmu ma jkissrulu”. U hemm ukoll kitba oħra fl-Iskrittura li tgħid: “Huma għad iħarsu lejn min nifdu”.

Wara dan, Ġużeppi minn Arimatija, li kien dixxiplu ta’ Ġesù bil-moħbi għax kien jibża’ mil-Lhud, mar u talab lil Pilatu biex jieħu l-ġisem ta’ Ġesù. Pilatu ħallieh, u hu ġie u ħa l-ġisem tiegħu. Ġie wkoll Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesù billejl, u ġieb miegħu taħlita ta’ morr u sabbara, tiżen xi mitt libbra. Dawn it-tnejn ħadu l-ġisem ta’ Ġesù u kebbewh bil-faxex tal-għażel bil-fwejjaħ, kif soltu jagħmlu l-Lhud qabel id-difna. Fejn kienu sallbu lil Ġesù kien hemm ġnien, u f’dan il-ġnien kien hemm qabar ġdid li fih kienu għadhom ma difnu lil ħadd. Hemm qiegħdu lil Ġesù, għax kien Jum it-Tħejjija għal-Lhud, u għax il-qabar kien fil-qrib.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Shopping Basket