Il-Ħadd 7 ta’ April 2019 – Il-Ħames Ħadd tar-Randan

AVVIŻI

1. It-Tnejn fis-7.00 pm, fiċ-Ċentru Soċjali tal-Irġiel, issir il-laqgħa ta’ formazzjoni għal kulħadd minn koperatur tal-Museum.

2. Nhar l-Erbgħa ikun hawn il-laqgħa taċ-ċentru tal-anzjani fit-8.30 am.

3. Nhar il-Ħamis se issir Ċelebrazzjoni Penitenzjali bil-possibiltà tal-qrar. Mill-5.30 pm sas-6.15 pm se jkollna ċelebrazzjoni u qrar għat-tfal. Infakkru lit-tfal biex  iġibu l-karus tal-imħabba magħhom. Filwaqt li  fis-6.15 pm ikun hawn ċelebrazzjoni u qrar għal kulħadd.  Fis-7.00 pm ikollna l-quddiesa. Bejn is-7 pm u t-8 pm se jkun hemm il-qrar speċjalment għal dawk li jaħdmu fil-ħwienet. Inħeġġu lil dawk kollha li jistgħu sabiex jersqu għas-sagrament tal-qrar fejn se jkollna s- saċerdoti tal-parroċċa disponibbli.

4. Nhar il-Ġimgħa niċċelebraw il-Festa tad-Duluri. Il-ħinijiet tal-quddies jkunu hekk: fis-6.15; 7.15; 8.15; u quddiesa f’nofsinhar. Filgħaxija jkollna quddiesa fil-5.30 pm u wara toħroġ il-Purċissjoni bl-istatwa tad-Duluri. Wara  jkollna l-aħħar quddiesa.

5. Nhar il-Ħadd niċċelebraw Ħadd il-Palm. Il-Funzjoni tat-tberik tal-friegħi taż-Żebbuġ u l-palm issir fil-bitħa tas-sorijiet tal-Eġittu, fid-9.00 am,  minn fejn  tibda l-Purċissjoni għall-Knisja parrokkjali. Fid-9.30 am jkollna l-quddiesa.

6. Nhar  il-Ħamis  se jsir il-coffee morning b’risq il-parroċċa.  Biljetti mingħand il-ħelpers

7. Nhar is-Sibt ser issir Adorazzjoni għall-qdusija tal-Kleru In-Nigret ir-Rabat. Tibda bil-quddiesa fid-9 pm.

8. Min nhar il-Festa tad-Duluri sal-Ġimgħa l-Kbira, is-Segretarjat Assistenza Soċjali tal-Azzjoni Kattolika qed iniedi Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju. Ħdejn il-bieb ta’ barra se jkun hemm kaxxa apposta u nħeġġukom biex tkunu ġenerużi u tagħtu l-kontribuzzjoni tagħkom b’risq dawk li huma fil-bżonn.

9. Minn nhar il-Ġimgħa l-Parroċċa se torganizza Cake Sale b’risq Puttinu Cares Foundation. Nistiednu lill-familji sabiex joffru cake jew figolla li jistgħu igibuhom il-Knisja jew fl-uffiċċju parrrokkjali.                                                                                              

10. It-Tnejn, l-għada tal-Għid, fil-quddiesa tas-6.30 pm se jkollna fostna persuni bi bżonnijiet speċjali u se nagħtuhom figolla. Inħeġġukom ukoll sabiex toffru figolla għal dawn ħutna.

11. Nitolbu għal ruħ Josephine Calleja li mietet matul din il-ġimgħa. Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem .

Il-Ħadd 31 ta’ Marzu 2019 – Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan


Avviżi

  1. Mons Arcisqof se jagħti bidu għall-Kawża ta’ Beatifikazzjoni tal-Qaddej t’Alla Brother Louis Camilleri. Kull min għandu xi tagħrif jew materjal li jista’ jagħin din il-kawża mitlub li jgħaddiha lit-Tribunal tal-Arċidjoċesi jew iwassalha l-uffiċċju Parrokkjali.
  2. Min nhar it-Tnejn sal-Ġimgħa  se jkollna l-eżerċizzi għal kulħadd li se jmexxihom Soċju tal-Museum. Minħabba x-xogħolijiet fil-Knisja se jkollna dan il-programm li se jsir fis-Sala Dun Manwel: Fit-8.10 am Rużarju u l-priedka fit-8.30am (flok fid-9.00am).
  3. Nhar it-Tlieta ser issir l-Assemblea Parrokkjali għand is-Sorijiet ta’ l-Eġittu fis-6.30pm.  Kulħadd huwa mistieden, speċjalment il-lajċi impenjati. Dak inhar il-quddiesa ta’ filgħaxija se tkun fis-6.00 pm.
  4. Nhar l–Erbgħa fl-4.30 pm se jsir it-tberik fi Triq  Kanonku Bonnici. 
  5. Nhar il-Ġimgħa hija l-Ewwel Ġimgħa tax-xahar, ikun hawn l-adorazzjoni wara l-quddiesa tas-6.30 pm.
  6. Bejn il-Festa tad-Duluri u Ħadd il-Palm l-Parroċċa se torganizza Cake Sale b’risq Puttinu Cares Foundation. Nistiednu lill-familji sabiex joffru cake jew figolla li jistgħu iġibuhom il-Knisja jew fl-uffiċċju parrrokkjali.
  7. Bħal kull sena, it-Tnejn, l-għada tal-Għid, fil-quddiesa tas-6.30 pm se jkollna fostna persuni bi bżonnijiet speċjali u se nagħtuhom figolla kull persuna. Inħeġġukom ukoll sabiex toffru figolla għal dawn ħutna.
  8. Nhar  Il-Ħamis 11 ta’ April se jsir il-coffee morning b’risq il-parroċċa.  Biljetti mingħand il-helpers.
  9. Il-ġabra għas-Seminarju kienet ta’ €810. Nirringrazzjaw lil kulħadd. 
  10. Nixtiequ navżaw li mal-ħarġa tal-Flimkien ta’ April qed inqassmu envelop b’fuljett b’deskrizzjoni ta’ żewġ proġetti li qed nagħmlu fil-knisja fejn apparti li rrestawrajna s-saqaf u qed niżbgħu il-knisja b’kuluri ġodda se ninstallaw ukoll l-air conditioners. Id-donazzjonijiet tkunu tistgħu ġġibuhom jew fl-uffiċċju parrokkjali jew fis-sagristija. Nirringrazzjaw lil dawk li diġa taw id-donazzjoni tagħhom għal dawn il-proġetti.

Il-Ħadd 24 ta’ Marzu 2019 – It-Tielet Ħadd tar-Randan

Avviżi

  1. Nhar l–Erbgħa se jsir it-tberik fi Triq  Lord Byron u Triq Adelaide Cini.  It-tberik jibda fl-4.30 pm.
  2. Nhar il-Ħamis ikun hawn l-Adorazzjoni wara l-quddiesa.
  3. Mit-Tnejn sal-Ġimgħa se jkun hemm l-eżerċizzi għal kulħadd fil-knisja ta’ San Franġisk fis-6.30 pm. Predikatur: Patri Richard Grech OFM.
  4. Navżaw ukoll li mit-Tnejn 1 t’April se jkollna l-eżercizzi għal kulħadd li se jmexxihom is-superjur Joe Fenech. Minħabba x-xogħolijiet fil-Knisja se jkollna dan il-programm li se jsir fis-Sala Dun Manwel: Fir-8.10 am Rużarju u fit-8.30 am jkollna l-priedka (flok fid-9.00 am).
  5. Bħal ma sar dawn l-aħħar snin ser terġa ssir l-Ikla bi tradizzjoni Lhudija nhar is-Sibt 13 ta’ April fit-7.30 pm. Għal aktar dettalji u biljetti mill-uffiċċju parrokkjali jew fil-librerija.
  6. Tlett ġimgħat oħra l-Parroċċa se torganizza Cake Sale b’risq Puttinu Cares Foundation sabiex ngħinu familji li għandhom tfal bil-marda tal-kanċer. Nistiednu lill-familji sabiex joffru cake sabiex ikun jista’ jinbiegħ f’Ħadd il-Palm u noffru d-dhul kollu lill-Fondazzjoni.

Il-Ħadd 17 ta’ Marzu 2019 – It-Tieni Ħadd tar-Randan


  1. Matul din il-ġimgħa se jkun hawn l-eżerċizzi tal-miżżewġin fis-7.00 pm. Il-Predikatur se jkun Patri Karm Debattista MSSP.
  2. Nhar it- Tlieta hija s-Solennita’ ta’ San Ġużepp. Għall-quddiesa ta’ filgħaxija huma mistiedna b’ mod speċjali dawk kollha li jisimhom għal San Ġużepp.
  3. Nhar l–Erbgħa se jsir it-tberik fi Triq  Nuzzo.  It-tberik jibda fl-4.30 pm
  4. Nhar l-Erbgħa ukoll ser issir ħarġa bil-quddiesa għall-anzjani organizzata miċ-Ċentru tal-anzjani għall-Kappella ta’ Lourdes fil-Furjana.  Biljetti mingħand il-helpers.
  5. Nhar is-Sibt u l-Ħadd li ġej se ssir il-Ġabra speċjali għas-Seminarju. Nitolbukom tkunu ġenerużi.
  6. Infakkru li matul ir-Randan mit-Tnejn sas-Sibt fis-6.15 am fil-Katekumenju qed ikun hemm it-talba tal-Lawdi li għaliha kulħadd hu mistieden.
  7. Nitolbu għal ruħ Joseph Farrugia u Joseph Spiteri, li mietu matul dawn il-ġranet.   Agħtihom  O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Il-Ħadd 10 ta’ Marzu 2019 – L-Ewwel Ħadd tar-Randan


  1. Nhar it-Tnejn il-quddiesa ta’ filgħaxija se tkun fil-5.30 pm bis-sehem tat-tfal li jattendu id-duttrina flimkien mal-ġenituri tagħhom. Dakinhar lit-tfal se ntuhom il-karus ta’ mħabba u l-flus li se jinġabru se jingħataw lid-Dar tal-Providenza.  Wara l-quddiesa ikun hawn il-Via Sagra. Fis-7.00 pm, fiċ-Ċentru ta’ l-irgiel ikun hawn laqgħa ghal-kulhadd mill-kooperaturi tal-Museum.
  2. Nhar it-Tlieta se ssir adorazzjoni mill-Grupp ta’ Talb San Franġisk fis-7:00 pm fil-kappella tal-Adorazzjoni.
  3. Nhar l-Erbgħa se nagħtu bidu għat-tberik tal-Familji ta’ Triq Ġuże’ Pace u Triq Pace Forno. Nibdew fl-4.30 pm.
  4. Nhar il-Ħamis ikun hawn l-adorazzjoni wara l-quddiesa tas-6.30 pm.
  5. Minn nhar it-Tnejn  18 ta’ Marzu, se jkun hawn l-eżerċizzi tal-miżżewġin fis-7.00 pm. Il-Predikatur se jkun Fr Karm Debattista. MSSP.
  6. L-Uffiċċju Missio ser jorganizza  Maratona ta’ ġbir ta’ fondi fuq il-mezzi tax-xandir biex jgħin lill-knejjes li jinsabu fl-artijiet tal-missjoni fi proġetti għall-foqra tagħhom, nhar is-Sibt, 16 ta’ Marzu 2019 bejn nofs-in-nhar u nofs-il-lejl.   Nuru s-solidarjeta’ ma’ dawn ħutna billi nkunu ġenerużi fl-offerta tagħna.
  7. L-ewwel ġabra bl-envelops għall-Festa Parrokkjali tammonta għal €2,000. Nirringrazzjaw lil dawk kollha li tawna d-donazzjonijiet.
  8. Nixtiequ navżaw li sakemm jitlesta x-xogħol ta’ manutenzjoni u tibjid tas-saqaf u l-ġnub tal-knisja, il-quddies matul il-ġimgħa filgħodu se jkun f’dawn il-ħinijiet:    6.15 am, 7.00 am u 7.45 am.
  9. Nitolbu għall-erwieħ ta’ Maria Mintoff, Olimpia Schembri u Tessie Laus, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Il-Ħadd 3 ta’ Marzu – It-Tmien Ħadd matul is-Sena Ċ

A

  1. Nhar it-Tlieta se jiltaqgħa il-Kunsill Parrokkjali fis-7 pm fis-Sala Dun Manwel.
  2. Nhar l-Erbgħa nagħtu bidu għar-Randan Imqaddes. Huwa Jum ta’ sawm u astinenza għal dawk li għandhom bejn it-18 u s-60 sena, kif ukoll ta’ astinenza (ma jittiekilx laħam) / sagrifiċċju għal dawk li għandhom bejn l-14 u t-18-il sena. Fil-quddies kollu jkollna l-funzjoni tat-tqegħid tal-irmied. Fis-6 pm, ikollna l-Via Sagra u fis-6.30 pm toħroġ il-quddiesa.
  3. Nhar l-Erbgħa ikun hawn il-laqgħa taċ-ċentru tal-anzjani wara l-quddiesa tat-8.15 am.
  4. Nhar il-Ħamis wara l-quddiesa tas-6.30 pm se jkun hemm Ċelebrazzjoni Penitenzjali mmexxija mill-Grupp ‘Footprints’.
  5. Nhar il-Ġimgħa se jsir pellegrinaġġ bix-xbieha ta Ġesu Kurċifiss.  Nitilqu fis-6.00 pm.  Wara l-pellegrinaġġ, għal ħabta tas-7.00 pm  ikollna l-quddiesa. 
  6. Matul ir-Randan, kull nhar ta’ Sibt, fis-5.45 pm  ikun hemm Via Sagra, fis-6.10 pm ċelebrazzjoni talgħasar Kantat u fis-6.30 pm quddiesa.
  7. Nhar is-Sibt, fil-parroċċa ta’  Ta’ Xbiex  se ssir l-Adorazzjoni ta’ bil-lejl għall-qdusija tal-Kleru. Il-laqgħa tibda bil-quddiesa fid-9 pm u tibqa sejra bl-Adorazzjoni sal-11 pm. Ikollna trasport li jitlaq minn fejn il-knisja fit-8.15 pm.
  8. Infakkru lil dawk li għadhom ma ġabux l-envelop għall-ewwel ġabra tal-festa sabiex iġibuh fl-uffiċċju parrokkjali jew fis-sagristija.
  9. Nixtiequ ninfurmawkom li se jibda’ x-xoghol ta’ manutenzjoni  u tibjid tas-saqaf tal-knisja li se jiġi jiswa 7,000 euro. Matul il-gimgħa ninfurmawkom iktar kif se jeffettwa l-ħinijiet tal-quddies ta’ matul il-ġimgħa.
  10. Nitolbu għal ruħ  Alfred Gerada li miet matul din il-ġimgħa. Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Il-Ħadd 10 ta’ Frar 2019 – Solennita’ tan-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl fi Gżiritna

            

  1. Fl-okkażjoni tal-100 sena mit-twelid ta’ Dun Edgar Vella nhar il-Ħamis 14 ta’ Frar, din il-ġimgħa se issir ġimgħa ta’attivitajiet. Għalhekk nhar it-Tnejn ser issir quddiesa għat–tfal fil-5.30 pm li fiha jkun hawn mima u slides fuq il-ħajja ta’ Dun Edgar u l-istorja tal-bidu tal-parroċċa.  Fis-6.30 pm jingħad ir-rużarju.
  • Nhar it-Tlieta il-quddiesa tas-6.30 pm se tkun animata miż-żgħażagħ tal-mixja neo katekumenali. Wara l-quddiesa nkomplu bit-talba ta’ l-Għasar u barka sagramentali.
  • Nhar il-Ħamis huwa proprju l-100 anniversarju mit-twelid ta’ Dun Edgar Vella. Fis-6.30 pm ser jkollna quddiesa solenni
    mmexxija  minn Mons. Vigarju, l-Eċċ. Tiegħu Mons. Joseph Galea Curmi, bis-sehem tal-Kor Parrokkjali. Tkun ħaġa sabiħa jekk f’dan il-jum ningħaqdu flimkien għat-talb għal dan il-benefattur tal-Knisja tagħna.
  • IL-Ġimgħa se jkun hawn adorazzjoni wara l-quddiesa tas-6.30 pm għall-vokazzjonijiet.

Il-Ħadd 3 ta’ Frar – Ir-Raba’ Ħadd matul is-Sena Ċ

v

  1. Nhar il-Ħamis wara l-quddiesa ta’ filgħaxija jkun hawn l-adorazzjoni Ewkaristika.
  2. Nhar il-Ħadd hija l-Festa ta’ Missierna San Pawl.  Fil-quddiesa tad-9.30 am se jkunu mistiedna dawk li jisimhom għal San Pawl .
  3. Fl-14 ta’ Frar jaħbat il-100 sena mit-twelid ta’ Dun Edgar Vella. Għaldaqstant it-Tnejn 11 ta’ Frar ser issir quddiesa apposta għat-tfal. F’din il-quddiesa ser ikollna mima żgħira fuq il-ħajja ta’ Dun Edgar.  Dawk it-tfal li jixtiequ jieħdu sehem f’din il-mima jiġu nhar is-Sibt 9 ta’ Frar fl-10.30 am fil-Knisja Parrokkjali. Nispiċċaw għall-ħabta ta’ 11.30 am. It-tfal li jiġu jingħataw xi ħaġa tajba x’jieħdu magħhom.
  4. Bdew jintlaqgħu applikazzjonijiet għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja  minn skejjel tal-gvern u indipendenti. Informazzjoni dettaljata tinkiseb minn fuq il-website tal-kurja.
  5. Nitolbu għall-erwieħ ta’  Joseph Ferro’ u Maria Dalli li mietu matul din il-ġimgħa.  Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.